Il-ġrajja tal-Ħelsien ta’ din is-sena hi waħda speċjali, għax propju taħbat fl-istess jiem li l-Partit Laburista għamel l-akbar rebħa elettorali sa mill-indipendenza ’l hawn.
Għal dan il-għan, lejlet Jum Malta Ħielsa, il-Partit Laburista se jkun qed jorganizza ċelebrazzjoni li se tfakkar il-ġrajja tal-ħelsien tal-1979 kisba tal-Perit Dom Mintoff, u din ir-rebħa elettorali ta’ kważi erbgħin elf vot, rebħa li saret taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela.
Iċ-ċelebrazzjoni se ssir l-Erbgħa filgħaxija biswit il-monument tal-Ħelsien f’Xatt ir-Risq fil-Birgu. Il-Perit William Lewis, Segretarju Organizattiv tal-Partit Laburista, saħaq li bħas-soltu l-Partit Laburista qed jorganizza spettaklu qabel id-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela. Kollox se jibda fis-sitta ta’ filgħaxija.
“Ħa nibdew b’numru ta’ DJs imbagħad se jkollna numru ta’ kantanti stabbiliti li diġa rajna fil-kunċert ta’ qabel l-elezzjoni, imma wkoll komplejna nżidu l-kantanti stabbiliti għax il-Partit Laburista dejjem ta spazju lill-artisti Maltin u hawnhekk fiċ-ċelebrazzjoni se nkomplu nagħtuhom spazju. Imbagħad l-qofol jintlaħaq bid-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela li wara d-diskors tiegħu jixgħel it-torċa fuq l-għolja tal-ħelsien u jpoġġi l-fjuri fuq il-monument biex nagħtu ġieħ lil Malta Ħielsa.”
Ġa la darba mistenni li l-pubbliku jattendi bi ħġaru għal din l-attività sabiex jiċċelebra wħud mill-akbar żewġ kisbiet tal-Partit Laburista, qed isiru l-arranġamenti sabiex dak li jkun jasal b’mod faċli.
“Il-Kumitati qed jorganizzaw it-trasport għal din l-attività, jiġifieri min għadu ma kellimomx jagħmel kuntatt mall-Kumitati Lokali biex jaslu hawnhekk bit-trasport li se jkun qed jiġi organizzat kif ukoll aħna bħala partit qed nagħmlu l-arranġamenti biex jintużaw il-parkeġġi fiż-żona ta’ madwar il-Birgu biex jiġu u jsegwu l-attività li qed norganizzaw.”
Għal din l-attività se jkunu qed jingħalqu t-triq tan-niżla ewlenija li twassal għal ħdejn il-monument tal-ħelsien u kif ukoll ix-Xatt tal-Birgu.