Lejlet il-bidu tal-Konferenza tal-Ġnus Magħquda tal-COP26 fi Glasgow, biex id-dinja tindirizza bis-serjetà l-fenomenu tat-tibdil fil-klima, il-Prim Ministru Robert Abela kiteb fuq il-gazzetta Maltatoday u saħaq li Malta għażlet it-triq tad-dekarbonizazzjoni bħala wieħed mill-pilastri fil-viżjoni ekonomika tagħha.
Dr Abela kiteb li din il-Konferenza toffri opportunità biex it-theddida tat-tibdil fil-klima tinbidel f’raġġ ta’ tama u opportunità għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u t’għada.
Il-Prim Ministru semma l-Ftehim ta’ Pariġi ta’ sitt snin ilu u kif fi Glasgow mistennija jiġu riveduti l-miri stabbiliti f’Pariġi.
Dr Abela spjega li l-Unjoni Ewropea għażlet li tuża ż-żmien tal-irkupru mill-pandemija bħala mod kif jintlaħqu miri ġodda ta’ dekarbonizazzjoni, f’dak magħruf bħala l-patt tal-Green Deal.
Saħaq li mill-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi lil hawn, l-istati membri tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta, saħansitra stabbilixxew miri aktar ambizzjużi fejn b’mod kollettiv qed jikkommettu li jnaqqsu l-emmissjonijiet tal-gassijiet serra b’55%.
Hawnhekk il-Prim Ministru saħaq li biex nilħqu dawn il-miri neħtieġu tranżizzjoni ġusta madwar id-dinja u mhux firdiet u inġustizzji.
Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern Malti se jkun ta’ eżempju u joħloq kundizzjonijiet tajbin li jiffaċilitaw il-bidla meħtieġa kemm għas-settur privat, għan-negozji u għas-soċjetà inġenerali.
“Irridu nkomplu nħeġġu djalogu kostruttiv biex nidentifikaw għażliet li jinstigaw bidla fil-mentalità mingħajr ma nħallu impatt negattiv fuq il-komunitajiet diversi tagħna”, saħaq Dr Abela.
Fl-artiklu tiegħu fuq il-Maltatoday bit-titlu ‘A Lifeline for Malta, the EU and the planet’, il-Prim Ministru aċċenna li meta niġu biex nitkellmu fuq it-tibdil fil-klima ma hemmx lok għall-politika partiġjana.
“Fl-aħħar mill-aħħar huwa n-nazzjon tagħna, li minkejja li huwa l-inqas stat li jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima fl-Unjoni Ewropeja, li jista’ jkun l-agħar milqut mill-effetti tat-tibdil fil-klima”, qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru fakkar fil-Pjan ta’ Rkupru ta’ Malta approvat mill-Kummissjoni Ewropea u li ġie anki mfaħħar mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, bħala l-iktar wieħed ambjentali li ġie approvat.
Dr Abela qal kif il-Pjan ta’ Malta fih 54% tal-miżuri intiżi biex id-dekarbonizazzjoni fuq livell nazzjonali ssir.
Għal dan il-għan, il-Gvern anki ddedika fondi lokali.
Il-Prim Ministru temm jgħid li matul iż-żminijiet, pajjiżna kellu jadatta għal ċirkostanzi varji biex jaffaċċja u jegħleb bosta sfidi u t-tibdil fil-klima hija ċirkostanza oħra.
Għalhekk pajjiżna se jkun miftuħ sew biex jaddatta għal mudell ekonomiku differenti anki permezz tal-aktar qafas legali robust fost l-istati membri, biex jindirizza t-tibdil fil-klima.
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru sostna li Malta se tkun ma’ dawk il-pajjiżi li qegħdin fuq in-naħa t-tajba tal-istorja għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet futuri.