Nhar is-Sibt, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta (MPO) se tingħaqad mas-sopran rinomata Camilla Tilling għal kunċert li jiftaħ uffiċjalment staġun tal-kunċerti tagħha ġdid.
Kull staġun, li jibda f’Settembru u jagħlaq f’Awissu, l-orkestra nazzjonali ittella’ aktar minn kunċert fil-ġimgħa, li jinkludu ammont konsiderevoli ta’ produzzjonijiet tagħha stess.
Il-kunċert tas-Sibt li ġej, li se jsir fit-Teatru Manoel, iġib l-isem Notes from Vienna, u l-orkestra, taħt id-direzzjoni ta’ Michalis Economou, se ddoqq xogħlijiet minn Anton Webern, Richard Strauss u Gustav Mahler.
Minn dawn it-tlieta, Webern biss twieled Vjenna: Strauss kien mill-Bavarja u Mahler kien Lhudi mill-Boemja. Però it-tnejn li huma għaddew żmien twil – u produttiv – fil-kapitali Awstrijaka, u t-tnejn servew bħala diretturi tal-Wiener Staatsoper, il-kumpanija tal-opri ewlenija fi Vjenna.
Il-kunċert jiftaħ bis-Sinfonija ta’ Webern, li minkejja isimha, hi xogħol qasir ta’ xi 10 minuta , u hi eżempju notevoli tat-12-tone technique.
Wara li ddoqq ix-xogħol ta’ Webern, l-orkestra tingħaqad ma’ Tilling ghall-Vier Letzte Lieder (l-aħħar erba’ għanjiet) ta’ Strauss, li kiteb ta’ 84-il sena u li ġew ippubblikati wara mewtu. Is-suġġett ta’ tlieta minnhom hu l-mewt, però dan is-suġġett jiġi ttrattat b’sens ta’ serenità.
Fit-tieni nofs tal-kunċert, l-MPO se ddoqq ir-Raba’ Sinfonija ta’ Mahler – l-unika sinfonija tal-kompożitur li tista’ tindaqq minn orkestra żgħira biżżejjed biex toqgħod fuq il-palk Barokk tal-Manoel. Is-sinfonija hi mibnija madwar għanja li tinstema’ fl-aħħar moviment, li tippreżenta viżjoni tal-ġenna mill-għajn ta’ tfal, u li se tkun ukoll kantata minn Tilling.
Biljetti għal dan il-kunċert, li se jibda fit-8 ta’ filgħaxija fis-Sibt, 29 ta’ Settembru, jistgħu jinxtraw mil-box office tat-Teatru Manoel, jew minn teatrumanoel.com.mt.