Dar il-Mediterran għall-Konferenzi b’kollaborazjoni ma’ European Foundation for Support of Culture bi pjaċir jippreżentaw lejla ta’ mużika għall-Orkestra tal-Korda mal-Georgian Sinfonietta, nhar il-Ħadd 24 ta’ Marzu 2019 fis-6.00pm ġewwa La Vallette Hall, Mediterranean Conference Centre, il-Belt Valletta.
Il-Georgian Sinfonietta stabbilixxiet ruħha bħala waħda mill-aqwa orkestri li hawn fid-dinja bħalissa.
Mhux biss iddoqq fuq bażi regolari fil-Georgia stess, iżda hija s-sinsla tat-Tbilisi International Baroque festival, fejn aktar toffri żjajjar madwar l-Ewropa fuq bażi regolari.
Flimkien mad-Direttur Orkestrali Alexei Galea Cavallazzi li m’ghandu bżonn tal-ebda introduzzjoni, se jipprezentaw programm sħiħ b’mużika għall-Orkestra tal-Korda.
Is-sinfonija għall-korda ta’ Mendelssohn numru 9 se tiftah dan il-kunċert, segwita minn “The Little Suite” minn l-aqwa kompożitur tas-seklu 20– Carl Nielsen.
Il-mużika Maltija se tkun preżentata minn “Music for Strings” mill-aktar kompozitur Malti li hu mdaqq illum internazzjonalment li għadu ħaj , Dr Jesmond Grixti.
L-aħħar biċċa tas-serata se tkun is-Sinfonietta ta’ Joseph Vella .
Il-patrimonju artistiku li ħalla warajh Joseph Vella huwa ta’ importanza għall-identità Maltija.
B’dan ix-xogħol se tingħalaq serata b’mużika mis-sekli 19 u 20.
Galea Cavallazzi magħruf li dar diversi pajjiżi u b’hekk kiseb fama internazzjonali muzikalment mexxa din l-istess orkestra bosta drabi ġewwa Tbilisi b’suċċess kbir.
Ta’ min jgħid ukoll li din hija t-tieni darba li l-Georgian Sinfonietta se tkun f’Malta.
Dar il-Mediterran, permezz tal-proġetti ta’ livell internazzjonali qed tkompli tagħti kontribut importantissimu għall-Kultura f’Malta.
Id-durata ta’ dan il-kuncert hija 70 minuta.
Biljetti għad-dħul jiswew €10 biss. Għal aktar informazzjoni u biljetti ċemplu fuq 25595750 jew www.mcc.com.mt