Kienet lejla ta’ diżappunt kbir għat-tim tal-Ingilterra u l-partitarji tal-istess tim, hekk kif tilfu 2-1 kontra l-Kroazja fis-semi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2018.
It-tragward li jaslu sal-finali ilu mistenni mill-1966, meta dik is-sena kienu rebħu l-unika Tazza tad-Dinja tagħhom kontra l-Ġermanja tal-Punent fl-Ingilterra stess. Kollox beda fuq nota pożittiva għall-Ingliżi, hekk kif fil-ħames minuta marru fil-vantaġġ minn free-kick perfett mogħti minn Kieran Trippier. Fit-68 minuta, Ivan Perisic ġab id-dro għat-tim Kroat, biex l-iskor baqa hekk sa tmiem id-90 minuta, u b’hekk kellha tintlagħab in-nofs siegħa extra-time. Id-daqqa mortali waslet fil-bidu tat-tieni taqsima tal-extra-time, hekk kif b’daqqa ta’ ras, Perisic qassam il-ballun lil Mario Mandzukic, li min-naħa tiegħu għadda minn bejn John Stones u Harry Maguire, u xeħet il-ballun fix-xibka.
Id-diżappunt fuq it-tim Ingliż kien indeskrivibbli hekk kif sa tmiem l-extra-time ma rnexxilhomx iġibu d-dro. Dan filwaqt li l-ħolma li jaslu sal-finali sfaxxat fix-xejn. Min-naħa l-oħra, il-Kroati kienu f’dellirju ta’ ferħ, hekk kif nhar il-Ħadd se jilgħabu l-ewwel finali għall-istess pajjiż. Finali li se ssir f’Moska kontra Franza. L-Ingilterra fadlilha tilgħab il-logħba għat-tielet post nhar is-Sibt li ġej kontra l-Belġju. Tim li diġa lagħbu kontrih fl-fażi tal-gruppi u tilfu 1-0 kontrih.