Silenzju kbir fit-toroq ta’ Kyiv wara lejl twil bil-bumbardamenti ta’ ħsejjes minn sireni, bombi u armi tan-nar.
Aktar kmieni dalgħodu, il-forzi Ukreni qalu li kien hemm battalji kbar għaddejjin fit-toroq tal-kapitali Kyiv, waqt li l-President Ukren Volodymyr Zelensky wissa lir-residenti biex jibqgħu fix-xelters u ma jersqux lejn it-twieqi jew il-gallariji.
Sa issa aktar minn 3,500 suldat Russu nqatlu waqt din l-invażjoni u kważi 200 oħra ttieħdu priġunieri.
Fi Kyiv ġew irrappurtati iktar minn ħamsin splużjoni. Ftit tal-ħin ilu il-belt Kyiv intlaqtet b’żewġ missili u waħda minnhom laqtet bini residenzjali fejn ġarbu ħsarat kbar.
Uffiċjali tal-Punent qalu li l-Militar Ukren kien effettiv biex inaqqas l-avvanz Russu matul il-lejl fil-kapitali Kyiv, iżda qed jinkwetaw li r-Russi, bla paċenzja jistgħu jirrikorru għal miżuri drastiċi.