F’lejl tipiku sajfi, morna Ta’ Kandja, li sservi ta’ bażi għall-uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit.
Ma’ wieħed mix-shiftijiet ta’ din it-taqsima, segwejna l-andament tax-xogħol mit-tmienja ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Fil-fatt, meta nbidel ix-shift, stajna nsegwu lill-uffiċjali jġibu l-armi u jippreparaw ruħhom biex jerħulha għar-rondi li jsiru fuq bażi ta’ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum mat-toroq Maltin, bil-għan li tinżamm is-sigurtà fil-lokalitajiet filwaqt li jservu wkoll ta’ prevenzjoni għal ċertu reati.
Irkibna f’waħda mill-vetturi tal-RIU ma’ żewġ uffiċjali minn din it-Taqsima, u rħejnielha għar-rondi, li dwarhom spjegalna aktar l-Ispettur tal-RIU, Raymond Joseph Azzopardi.
Qal, “Bħala skwadra tar-Rapid Intervention Unit, aħna inkarigati mill-patrol barra fit-triq. Wieħed jibda l-ġurnata tiegħu billi jieħu l-equipment kollu mill-istazzjon tagħna Ta’ Kandja u minn hemmhekk joħroġ għall-patrol. Sakemm ma jkollniex dispatches mill-control room fuq każijiet ta’ emerġenza, xogħolna huwa li nduru t-toroq biex kemm jista’ jkun inkunu viżibbli fit-toroq tagħna u nipprevjenu ċertu reati li jistgħu jsiru.”
Kuljum, l-uffiċjali tal-RIU jassistu fuq diversi każijiet.
Fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena biss, l-uffiċjali tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, ġew imsejħa biex jassistu f’aktar minn elfejn każ filwaqt li s-sena li għaddiet, assistew f’aktar minn tlett elef u sitt mitt każ.
L-ewwel talba għall-għajnuna li daħlet fuq ir-radju tal-Pulizija fil-lejl li ħriġna magħhom, kienet dwar każ ta’ aggressjoni familjari, fejn irriżulta li tfajla b’kundizzjoni tas-saħħa mentali, kienet qed tkun aggressiva man-nanniet tagħha.
Tul il-lejl, daħlu diversi talbiet oħrajn fosthom dwar alarms, vjolenza domestika u anki allegat stupru.
Wara tliet sigħat rondi madwar il-pajjiż, kien imiss li nieqfu Ħal Qormi għall-ispezzjonijiet.
Waqt l-ispezzjonijiet, instabu diversi nies bla liċenzja u vetturi mhux koperti bl-assigurazzjoni. Dawn ġew irmunkati lejn il-Garaxx tal-Pulizija biex jiġu regolati qabel ikunu jistgħu jerġgħu jinstaqu.
Qal, “L-għan tagħna, at the end of the day, mhux kemm inħarrku nies iżda għalina, lejl ta’ suċċess ikun jekk ma nsibu xejn ħażin.”
Malli temmejna l-ispezzjonijiet għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu, daħlet sejħa għall-għajnuna minn sidien ta’ dar li kienet qed taqbad.
ONE News rikeb fil-karozza tal-RIU u fi ftit minuti, wasalna fuq il-post.
L-Ispettur Azzopardi spjegalna xi jkun l-irwol ewlieni tal-uffiċjali tal-RIU f’każijiet bħal dawn.
Qal, “Nirrikorru mill-ewwel malajr kemm jista’ jkun fuq il-post għas-sempliċi raġuni biex naraw jekk hemmx xi ħajja ta’ persuni jew annimali li forsi nistgħu nsalvaw sakemm ovvjament jaslu t-trakkijiet il-kbar tas-Civil Protection.”
Talba bħal din tkun saret b’telefonata fuq wieħed min-numri tal-emerġenza, 112 jew 199.
L-Ispettur appella biex dawn il-linji jintużaw bil-għaqal, għaliex telefonati li ma jkunux ta’ emerġenza, jistgħu jfissru ħela ta’ riżorsi għal nies li jkunu f’sitwazzjoni ta’ ħajja jew mewt.
Bl-istess mod appella għar-rispett fit-toroq, speċjalment meta n-nies jinzertaw lill-uffiċjali tat-Taqsima tiegħu għaddejjin bl-ispezzjonijiet bil-lejl.
Qal, “Sfortunatament ninzertaw każijiet fejn għalkemm ikollna l-karozzi tagħna bid-dwal, u anki l-Pulizija fir-roadchecks ikunu bil-highlighter vests, xorta jkun hawn min jiġi b’veloċità qawwija u ħafna drabi jkunu ta’ periklu għalina wkoll. Fl-aħħar mill-aħħar aħna qegħdin hemmhekk biex nissalvagwardjaw is-saħħa tan-nies u nipprevjenu inċidenti u affarijiet oħra.”