Nhar is-Sibt 20 ta’ Mejju mis-7pm ’il quddiem, 30,000 xemgħa se joħolqu atmosfera maġika fiċ-Ċitadella bħala parti mill-avveniment ‘Lejl Imkebbes’.
Dan se jsir bħala parti mill-programm tal-kalendarju kulturali annwali ta’ Għawdex. Barra min hekk, se jkun hemm reċti storiċi u dħul b’xejn fil-mużewijiet u f’postijiet pubbliċi oħrajn.
Wieħed mill-organizzaturi, Quiton Scerri, spjega li din is-sena se jiġu installati numru ta’ artifatti uniċi madwar iċ-Ċittadella u għalhekk dawn se iżidu mal-maġija tal-lejl. Se jkun hemm ukoll artisti li se jinstallaw artifatti bix-xemgħat fi tliet żoni ewlenin taċ-Ċittadella.
L-artist Aidan se jkun preżenti wkoll, u se jindaqqu diski popolari tiegħu flimkien mal-mużiċisti tiegħu.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, faħħar dan l-avveniment, li għandu l-għan li joħloq atmosfera mill-isbaħ. Huwa apella lill-pubblika biex iżur iċ-Ċittadella u jgawdi dan l-avveniment mal-familja.
Dan il-festival qed jiġi organizzat b’kollaborazzjoni mad-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.