Dalgħodu l-uffiċju stampa tas-Santa Sede f’Ruma ħareġ stqarrija li fiha ingħataw l-aħħar aħbarijiet dwar is-saħħa tal-Papa Franġisku li fiha qalu li kien reġa’ għadda lejl ieħor stabbli u kien qiegħed jistrieħ.
Fl-istqarrija tal-Ħadd huma kienu qalu li l-Papa kien qed isegwu l-Eżerċizzji Spiritwali tal-Kurja Rumana permezz ta’ video link fl-appartament tiegħu fl-isptar.
Dawn l-Eżerċizzji bdew il-Ħadd waranofsinhar fis-Sala Pawlu VI u huma mmexxija minn Fr Roberto Pasolini.
Sadanittant il-Papa kompla bit-terapija, kif ukoll il-fiżjoterapija respiratorja hekk kif tpoġġa fuq dieta apposta li issa tinkludi wkoll ikel solidu.
Il-kundizzjoni tiegħu tidher waħda stabbli, b’titjib gradwali hekk kif kien iddikjarat fl-aġġornament tas-Sibt filgħaxija, iżda s-sitwazzjoni xorta tibqa waħda kumplessa u għalhekk it-tobba li qed isegwuh qed joqgħodu lura milli joħorġu xi forma ta’ pronjożi.
Bulettin aġġornat dwar il-qagħda klinika tiegħu mistenni joħroġ illejla wara li dan ma kienx ippublikat ilbieraħ minħabba l-istabbilità fil-kundizzjoni tiegħu.