Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali kien infurmat mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li b’rabta mal-operazzjoni tat-tifi tan-nar fl-impjant ta’ Sant Antnin, li bdiet ilbieraħ 22 ta’ Mejju, in-nar kollu ġie mitfi b’suċċess.
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jinforma li din l-operazzjoni kienet tikkonsisti fi tliet fażijiet. L-ewwel fażi, li seħħet ilbieraħ, kienet dik li jiġi assigurat li n-nirien huma taħt kontroll u ma jibqgħux jinfirxu. Għal sigħat twal, in-nar kellu jinżamm hekk kif imsejjaħ “boxed in” sabiex jiġi kkontrollat.
It-tieni fażi, meqjusa bħala l-iktar perikoluża, seħħet matul il-lejl fejn il-membri tal-Protezzjoni Ċivili għaddew lejl sħiħ jiġġieldu u jitfu n-nar. Għal ħabta tas-0700 ta’ dalgħodu, din l-operazzjoni ġiet fi tmiemha.
Minn hemm, bdiet it-tielet fażi, dik imsejħa bħala cooling down. Din tikkonsisti fit-tqallib tal-materjal b’mod partikolari fiż-żoni hot spots, sabiex jiġi assigurat, li kollox intefa u li m’hemmx riskju li xi materjal jerġa’ jaqbad. Din il-fażi mistennija tibqa’ għaddejja matul il-jum u l-lejl bil-possibilità li tibqa anke għaddejja fil-ġranet li ġejjin, hekk kif id-direzzjoni tar-riħ mhijiex favorevoli għal ħidma tal-Protezzjoni Ċivili.
Din l-operazzjoni kienet teħtieġ riżorsa umana b’saħħitha, tant li l-Protezzjoni Ċivili ħadmet b’forza li laħqet bejn l-40 u l-50 membru f’kull shift. Dan minn total tal-forza tal-Protezzjoni Ċivili li huwa ta’ 170 ruħ, li matul dan ix-xogħol xorta baqgħu jirrikorru għas-sejħiet ta’ assistenza mill-pubbliku.
Magħhom kien hemm ukoll is-sehem ta’ 60 voluntiera tad-Dipartiment. Sfortuntament, wieħed mill-voluntiera waqt din l-operazzjoni weġġa’ jdejh u intbagħat għal kura fl-Isptar Mater Dei. Il-Ministeru u l-Protezzjoni Civili jixtiequlu fejqan ta’ malajr.
Fuq il-post, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħadem b’total ta’ 9 vetturi kontra t-tifi tan-nar u inqabeż l-użu ta’ iktar minn nofs miljun litru ilma.
Il-Ministru Carmelo Abela irringrazzja lil dawk kollha li b’impenn qed jaħdmu fuq dan l-inċident. Fosthom:
– Il-ħaddiema professjonali tal-Protezzjoni Ċivili;
– Il-voluntiera tal-Protezzjoni Ċivili;
– Il-membri tal-Korp tal-Pulizija tad-distretti u t-Taqsima tat-Traffiku;
– Il-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta;
– Il-membri tas-St John Rescue Corps;
– Il-membri tal-Malta Red Cross;
– Il-membri tal-E.F.R.U – Emergency Fire & Rescue Unit;
– Il-membri tal-Health Promotion Unit li kienu fuq il-post biex joffru assistenza medika immedjata;
– Il-membri tal-WasteServ tal-faċilitajiet kollha li ipprovdew;
– Il-persuni li ssupplixxew l-ilma permezz tal-bowsers.
Ringrazzjament speċjali jmur għad-Deputat Direttur tal-Protezzjoni Ċivili s-Sur Peter Paul Coleiro tat-tmexxija għaqlija ta’ din l-operazzjoni.