Ċertament, din il-leġizlatura ser tibqa’ mfakkra għall-ħidma distruttiva li wettqu l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti kontra Malta!” Dan qalu l-kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Alex Agius Saliba, b’referenza għal dak li qed iseħħ fil-Parlament Ewropew f’dawn il-jiem.
Agius Saliba qal li “bħalissa qed naraw ir-riżultat ta’ snin sħaħ ta’ tmaqdir, tfigħ ta’ tajn u allegazzjonijiet infondati kontra Malta. Dan huwa l-frott tal-mibgħeda u t-tixwix irresponsabbli tal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti”.
Huwa tkellem b’mod partikolari dwar il-mod li bih tmexxa l-grupp Parlamentari li tifforma parti minnu l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola. Agius Saliba saħaq li l-ħidma tal-MEPs Nazzjonalisti ffukat biss fuq aġenda distruttiva u maħsuba biex ixxekkel il-progress tal-Gvern Malti. Alex Agius Saliba nnota li x-xogħol, l-isforzi u r-riformi siewja li għamel il-Gvern ta’ pajjiżna biex itejjeb it-trasparenza u d-demokrazija ngħataw il-ġenb u ma ssemmewx.
“Bħala kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u, aktar u aktar, bħala Malti ninsab iddispjaċut, iddiżappuntat u ddiżgustat bil-mod li bih sa din il-ġimgħa stess, issa anke li wasalna fi tmiem din il-leġizlatura, tkompliet titmexxa ‘l quddiem kampanja qarrieqa u inġusta kontra Malta, minn Maltin bħalna. Dan huwa inaċċettabbli.”
Il-kandidat Laburista qal li bla dubju ta’ xejn kompla joħroġ biċ-ċar kif din il-klikka ta’ Ewroparlamentari huma aktar iffukati biex jitfgħu t-tajn u jħammġu isem Malta biex forsi jirbħu xi ftit punti politiċi milli biex jaħdmu għall-ġid komuni tal-Maltin. Huwa qal li Malta ilha leġiżlatura sħiħa taħt dan l-attakk ikkordinat, u fakkar kif din kienet ir-raba’ minn serje ta’ rezoluzzjonijiet li ttellgħu kontra Malta f’medda ta’ tliet snin. Agius Saliba qal li din hija sitwazzjoni bla preċedent li l-ebda pajjiż ieħor qatt ma ffaċċja, lanqas l-Ungerija li jinsab f’sitwazzjoni ferm prekarja u b’diskussjonijiet formali mal-Kummissjoni Ewropea fuq is-saltna tad-dritt.
Finalment, il-kandidat Laburista qal li filwaqt li jesprimi d-diżappunt tiegħu għal dan l-eżitu, tajjeb li wieħed jitgħallem minn dan kollu. Huwa tenna li din hija tbeżbiża għal kull ċittadin Malti li jħobb lil pajjiżu, u sostna fuq l-importanza li kulħadd iwassal il-messaġġ tiegħu fl-elezzjonijiet ta’ Mejju 2019. Agius Saliba sostna li r-rappreżentanti tagħna fil-Parlament Ewropew għandhom jintgħażlu bir-reqqa u wiegħed li bla dubju, jekk jingħata l-fiduċja, huwa ser ikun qiegħed jaħdem bla heda biex ikun rappreżentant denju, u ser jagħti l-enerġija u d-determinazzjoni żagħżugħa kollha tiegħu sabiex jitnaddaf isem Malta darba għal dejjem.