L-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista, Josianne Cutajar, tkellmet dwar l-importanza li l-leġislazzjoni fuq livell Ewropew tkun waħda li tħares ir-realtajiet u l-isfidi tal-istati gżejjer bħal Malta u Ċipru.
Dan qalitu waqt konferenza fl-Università ta’ Bordeaux fi Franza dwar l-approċċ li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea fil-politika tagħha.
Cutajar li hija n-negozjatur f’isem il-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew kienet qed tagħti l-ħsibijiet tagħha b’rabta ma’ rapport quddiem il-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-insularità li jgħaddu minnha l-istati gżejjer.
Hija żiedet tgħid kif gżejjer bħal Għawdex jistgħu jkunu suġġett ta’ insularità doppja.
Fl-indirizz tagħha hija tenniet li l-akbar sfidi għal stati gżejjer huma marbuta mal-oqsma tal-enerġija, t-trasport, t-turiżmu u t-teknoloġija bl-effetti ta’ dawn ivarjaw skont id-demografija u l-ġeografija tal-istati.
Għalhekk hija saħqet li m’għandux ikun hemm sitwazzjoni ta’ one-size-fits-all iżda irid ikun hemm il-flessibilità meħtieġa biex dawn il-gżejjer ikunu mgħejjuna bl-aħjar mod.