Il-Leġġenda ta’ Manchester United u rebbieħ ta’ tliet titli Wes Brown huwa l-wiċċ ta’ kampanja ġdida li tnediet illum minn VisitMalta u Manchester United – 48 Hours f’Malta.
Il-kampanja tara lil Wes Brown f’Malta, jiġġieled is-sħana tas-Sajf Malti u jiffaċċja sensiela ta’ sfidi. Fost l-attivitajiet li jipparteċipa fihom, huwa jitla’ mal-ġebel f’Wied il-Mielaħ f’Għawdex, jipparteċipa fi sfida tat-tisjir, jagħmel kayaking f’Kemmuna u jipparteċipa f’aktar sfidi fl-Imdina.
Jagħmel ukoll żjarat fil-kapitali Valletta u finalment iżur Fomm ir-Riħ.
Il-kampanja tfittex li tqajjem kuxjenza dwar il-versatilità tal-Gżejjer Maltin bħala destinazzjoni ideali għal kulħadd, b’ħafna attivitajiet li jistgħu jsiru, anke għal waqfa qasira ħafna bħala vaganza.
Fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu mnedija sensiela ta’ żewġ filmati, li jiddokumentaw it-48 Hours f’Malta ta’ Wes Brown – filmati li se jkunu wkoll imxandra man-netwerk kollu ta’ Manchester United mad-dinja kollha.