Ġie ffirmat ftehim bejn l-Allied Rainbow Communities, l-ARC, u l-Kamra tal-Kummerċ Maltija, waqt konferenza bl-isem ta’ ‘Out at Work’. Dan anke bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza.
Il-konferenza kellha sehem anke ta’ membri minn għaqdiet favur l-ugwaljanza fejn jidħlu drittijiet tal-komunità LGBTIQ+ minn madwar l-Ewropa, fosthom l-Italja u Franza.
Intqal li minkejja l-avvanzi bla preċedent li saru fejn jidħlu tali drittijiet, iridu jkunu l-kumpaniji u n-negozji stess li jimplimentaw leġislazzjonijiet u politika inklussiva fuq il-post tax-xogħol.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Marthese Portelli, spjegat kif fis-soċjetà kulħadd għandu x’joffri. Żiedet tgħid li anke fil-kumitati fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ stess, għandha titħaddan aktar diversità.
Qalet, “Fis-soċjetà tagħna kulħadd għandu l-potenzjal tiegħu, kulħadd għandu x’joffri. Allura ħadna l-opportunità mhux biss biex nagħmlu din il-konferenza fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ. Iffirmajna wkoll memorandum of understanding, fejn se jkollna b’mod dirett inklużjoni anke fil-kumitati tagħna, interni tal-Kamra tal-Kummerċ, fejn niffokaw kif nistgħu ntejbu aktar ir-riżorsa umana u l-inklussività fuq il-post tax-xogħol.”
Il-kordinatur tal-EuroPride u ko-fundatur tal-ARC, Nicholas Bugeja, qal li l-lant tax-xogħol hu post fejn ħafna jqattgħu l-maġġoranza tal-ħin tagħhom.
Żied jgħid li fil-bidu li bdiet din il-komunità, għarfu l-bżonn li jindirzzaw il-komunità tan-negozji, xi ħaġa li sa dak iż-żmien ma kinitx tingħata tant prominenza.
Qal, “Din mhux se tkun ta’ darba biss, iffirmajna qbil waqt din il-konferenza, maċ-Chamber, fejn anke kull sena diġà jkun hawn speċi ta’ workshops jew xi ħaġa oħra bħal din, fejn inħallu legat wara l-EuroPride, tanġibbli.
Temm jgħid li persuna, li tkun kuntenta fuq il-post tax-xogħol, din se tagħtik aktar xogħol.
Preżenti wkoll kien hemm il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Chris Vassallo Casaero, il-President tal-ARC, Maria Azzopardi, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, u diversi rappreżentanti minn diversi entitajiet u negozji.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg elenkat l-importanza ta’ politika inklussiva kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema. Dan hekk kif dan l-ambjent san iwassal ukoll għal aktar tkabbir ekonomiku.
Min-naħa tiegħu, Vassallo Casaero qal li d-diversità għandha tkun iċċelebrata u mhux biss aċċettata, filwaqt li semma wkoll l-importanza tad-djalogu, fejn kulħadd għandu jkun dak li verament hu.