“VIVA sar avveniment ewlieni fil-kalendarju kulturali Malti hekk kif issa jservi ta’ pjattaforma għal artisti ġodda u emerġenti daqskemm għal dawk iżjed rinomati. Bla dubju, l-isfond ta’ din is-sena, dak tal-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, se jservi sabiex isaħħaħ il-festival fuq livell internazzjonali”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici fit-tnedija tar-raba edizzjoni ta’ VIVA.
Il-Valletta International Visual Arts Festival – VIVA 2018 se jiġi organizzat bejn l-14 t’April u s-27 ta’ Mejju, b’bosta avvenimenti u proġetti jżewqu l-programm b’varjetà liema bħala. L-edizzjoni ta’ din is-sena kienet possibbli grazzi għal għadd ta’ kollaborazzjonijiet, u se tkun qiegħda tospita numru ta’ esebizzjonijiet madwar il-Belt Valletta u ġewwa The Mill, f’Birkirkara.
VIVA jservi bħala pjattaforma għall-arti kontemporanja f’Malta billi jesebixxi xogħol ta’ artisti Maltin kif ukoll ta’ artisti internazzjonali b’konċentrazzjoni fuq l-arti viżiva kontemporanja. Matul is-snin preċedenti, VIVA fetaħ it-triq għal madwar 25 esebizzjoni bis-sehem ta’ kważi 100 artist, kuratur u kollaboratur, li lkoll ħadmu fuq diversi formati u ġewwa diversi binjiet.
Iċ-chairman ta’ Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai qal li din hija sena kruċjali għal VIVA, hekk kif wara erba’ snin ta’ attività ta’ suċċess, VIVA issa assigura postu bħala wieħed mill-festivals l-iżjed stabbiliti. Il-kollaborazzjonijiet li twieldu frott it-tħejjija b’risq dan il-festival flimkien mal-iżvilupp fit-tul ta’ għadd ta’ proġetti jiżguraw kontribut siewi għax-xena tal-arti viżiva f’Malta, u s-sostenibbiltà tagħha fis-snin li ġejjin hija meħtieġa għat-tkomplija ta’ dan ix-xogħol.
VIVA 2018 se jospita għaxar proġetti: minn (Met)afourisms; diskussjoni viżiva bejn artisti u filosfi, possibbli bis-sehem ta’ Niki Young; għal Fluid Space, b’Niki Petroni bħala l-kuratur u li tittratta d-dinamika fl-iżvilupp tal-pajsaġġi urbani u l-istrutturi soċjali Maltin; u VAC – Visual Acoustics, li se tkun qiegħda tgħaqqad elementi viżivi u akustiċi permezz tax-xogħol ta’ għaxar artisti lokali u internazzjonali, b’Zsolt Gyenes bħala l-kuratur.
Din is-sena, VIVA 2018 għandu kollaborazzjoni mal-festival Ġermaniż tal-arti viżiva Ostrale sabiex iwassal l-esebizzjoni Found â mentalism, filwaqt li qed jikkollabora ma’ Valletta 18 u l-EU Japan Fest bl-għan li jipproduċi European Eyes on Japan, ikkurata minn Lisa Gwen Baldacchino.
Kollaborazzjoni oħra notevoli hija dik maċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta, minħabba li kollaborazzjoni ta’ din ix-xorta se tagħmilha possibbli għal żewġ artisti Ċiniżi prominenti sabiex jesebixxu x-xogħol tagħhom f’Malta.
VIVA 2018 huwa prodott minn Fondazzjoni Kreattività f’kollaborazzjoni mal-ACM, mal-Istitut Goethe, mal-German-Maltese Circle, maċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta, mal-Fondazzjoni Meta, mal-EU-Japan Fest u ma’ EDAAV, bl-appoġġ tal-Valletta 2018.
Għal aktar informazzjoni, żur http://viva.org.mt/