Il-Malta Fair Play Movement ħabbar il-ħames TGS Malta Fair Play Award, wara li l-Għaqda Ġurnalisti Sports u Together Gaming Solutions ġeddew il-kollaborazzjoni tagħhom f’dan l-impenn konġunt. Dan il-premju huwa intiż għal dawk fil-qasam tal-isport kemm fuq livell individwali jew bħala tim għal mod atruwistiku f’kompetizzjoni/ijiet uffiċjali jew le.
L-ewwel unur għas-sena 2022, li jkopri l-perjodu bejn Jannar u Marzu ngħata Lee Pisani, li jilgħab ma’ Fgura United FC. Nhar il-Ħadd 20 ta’ Frar, waqt logħba mill-BOV Challenge League Grupp B kontra Mgarr United, Pisani kien involut ma’ Samuel Saldanha ta’ Mgarr United waqt taqtigħa għall-pussess tal-ballun. Pisani niżel fuq saqajn il-plejer Brażiljan u weġġgħu serjament.
Wara dan l-inċident, Pisani kitiblu kartolina bil-Portugiż u għamel kuntatt mal-istaff ta’ Mgarr United sabiex imur jarah fl-isptar. Meta kienu l-isptar, ħadu ritratt flimkien bħala sinjal tal-ħbiberija tagħhom.
“Il-ġest ta’ Lee Pisani fuq il-pitch u anki barra, huwa turija ta’ ħbiberija vera u sportività. Huwa wkoll ġest li jnissel sens ta’ fair play li jixraqlu jkun imfaħħar u rikonoxxut. Aħna ninsabu kuntenti li nappoġġjaw id-deċiżjoni li jingħata l-premju lil Lee Pisani bħala l-ewwel Fair Play Award għal din is-sena,” qal Benjamin Delsinger Direttur Maniġerjali ta’ Together Gaming Solutions.
Il-preżentazzjoni tat-TGS Malta Fair Play Award saret nhar il-Ħamis 28 ta’ April 2022 fil-preżenza ta’ Andrea Critien mid-Dipartiment tal-Finanzi u r-Riżorsi Umani, u Benjamin Delsinger Direttur Maniġerjali ta’ Together Gaming Solutions, fl-uffiċini tagħhom f’San Ġiljan. Charles Camenzuli kien preżenti f’isem il-Malta Fair Play Movement. L-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet rappreżentata mill- Amministratur Stephen Azzopardi, il-Membru tal-Kumitat Eżekuttiv Domenic Aquilina u l-membru Josef Galdes.