One.com.mt jinsab f’pożizzjoni li jiżvela leak oħra mill-Partit Nazzjonalista fl-isfond tal-każ Toni Bezzina u Deputati Nazzjonalisti oħra li tqajmu rapporti dwar kif huma impjegati mal-Gvern u ma jmorrux għax-xogħol.
Nathaniel Attard, il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista bagħat dak li jgħidulu Line to take lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, spjega dwar kif id-Deputati Nazzjonalisti għandhom iwieġbu meta mistoqsija partikolarment dwar Toni Bezzina, Justin Schembri u David Agius.
Mil-line to take ta’ Nathaniel Attard jidher ċar li l-PN se jiddefendi qatta’ bla ħabel lil Toni Bezzina, li jirċievi salarju ta’ €51,000 għal xogħol mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi iżda jirriżulta li ma jmurx għax-xogħol u jmur biss biex jagħti l-fjuwil lill-karozza tiegħu għal skop privat.
Dan ġie żvelat mill-gazzetta Illum fl-istess waqt li ssemmew Deputati oħra bħal Justin Schembri li bħala għalliema ma kienx qed imur għax-xogħol u David Agius kien qed jattendi b’mod ridott.
Nathaniel Attard kiteb li speċifikament fuq ta’ Toni Bezzina, jekk id-Deputati Nazzjonalisti jiġu daharhom mal-ħajt għandhom iżommu mal-line to take.
Ingħad li Toni Bezzina dejjem ħadem kif suppost iżda rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fi żmien meta George Hyzler kien Kummissarju jingħad li Deputati Nazzjonalisti abbużaw mis-sistema parlamentari biex ma jmorrux għax-xogħol mal-Gvern bi skuża għax huma Deputati.
Fil-line to take jingħad imbagħad li Toni Bezzina dejjem ħadem kif suppost iżda r-rapport stess minn Hyzler jixhed li dan il-line to take hu giddieb.