Ir-riżultat ta’ votazzjoni fl-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista dwar liema distretti għandhom ikunu ċeduti wera kif il-Partit Nazzjonalista hu għal kollox maqsum minn nofs. It-Tnejn filgħaxija l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kellu laqgħa twila biex ħa din id-deċiżjoni u d-deċiżjoni ħalliet ħafna b’togħma morra u dan ma ddejqux juruh pubblikament.
Waħda mill-ikbar kwistjonijiet kienet jekk Beppe Fenech Adami jċedix is-seba’ jew it-tmien distrett elettorali. Fenech Adami b’xejn ma ried iċedi t-tmien distrett, iżda oħra fil-partit riedu għax kienu kontra li jkun hemm imqar ċans remot li jitla’ Godfrey Farrugia mis-seba’ distrett wara li diġa’ telgħet Marlene Farrugia mill-għaxar distrett. Fl-aħħar mill-aħħar għaddiet ta’ Beppe Fenech Adami, iżda leak mill-eżekuttiv turi li l-vot kien viċin ħafna b’41 jivvotaw li jkun ċedut is-seba’ distrett u 35 kontra. Dan ifisser li hawn ukoll il-Partit Nazzjonalista kien kważi maqsum minn nofs.
Id-deċiżjoni li Fenech Adami jċedi s-seba’ distrett elettorali u Simon Busuttil –il ħdax minflok it-tnax fissret li tilef kull ċans David Thake. Anke David Agius ċeda l-ħdax biex din id-deċiżjoni fissret li fuq dan id-distrett hemm żewġ siġġijiet vojta.
Thake ħassu urtat u għall kumment ta’ xi ħadd fuq facebook li qallu biex issa jerġa’ jibda l-programm it-tweġiba kienet ċara.
“No Catherine. Naġseb illum l-eżekuttiv tkellem ċar ħafna.”
Anke d-deċiżjoni li Marthese Portelli ċċedi t-tlettax u mhux id-disa’ distrett ħalliet id-dwejjaq. Ivan Bartolo, kandidat ieħor tal-PN qal li issa daqshekk fil-politika. “Il-karriera qasira tiegħi fil-politika intemmet illum. L-eżekuttiv tal-PN iddeċieda li jżomm magħluq id-disa’ distrett. Nirringrazzja lil dawk kollha li emmnu f’xi ħaġa ġdida u f’ideat pożittivi u progressivi. Il-politika m’għadiex fuq ir-radar tiegħi,” kiteb Bartolo fuq il-profil tiegħu.
Robert Arrigo se jċedi l-għaxar distrett f’vot ieħor li kien maqsum, tant li l-leak mill-eżekuttiv ikkonferma li l-ebda vot ma kellu iktar minn sittin fil-mija favur.
Wara dawn id-deċiżjonijiet kiteb Frank Psaila li qal “bħalkom ċerti deċiżjonijiet jirrabjawni.”
“Bħalkom nissuspetta li mhux kulħadd qed ipoġġi l-interess tal-partit qabel dak personali anke f’mument diffiċli, imma kruċjali bħal dan.”
Psaila kompla jikteb iktar f’konferma oħra kif ma’ kull jum li jgħaddi qed jiżdied l-inkwiet fil-Partit Nazzjonalista.