Malta tista’ tiffaċċja ħafna iktar riskji milli opportunitajiet jekk illum ir-Renju Unit jivvota biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Tikkonferma dan analiżi esklussiva li saret għall-gazzetta KullĦadd u li one.com.mt għandu kopja taghħa. Din hija ibbażat fuq rapporti li saru kemm minn kumpaniji privati u anke entitajiet oħra, fejn jirriżulta li hemm riskji f’oqsma tat-taxxa, tas-settur tal-gaming u jista’ jaffettwa wkoll il-baġits tal-Unjoni Ewropa b’mod li l-kontribuzzjoni lejn Malta tonqos. Aġenziji internazzjonali, bħal Fond Monterju Internazzjonali fost oħrajn, ukoll ikkonfermaw din l-isfida għal Malta.
Min-naħa l-oħra Malta jista’ jkollha opportunitajiet minħabba li jibqa’ pajjiż qrib ir-Renju Unit, anke permezz tal-lingwa u allura pajjiżna jkollu vantaġġ kompetittiv.
Ir-rapporti li sar permezz ta’ esperti fis-settur iqajjmu numru ta’ mistoqsijiet. It-tweġibiet mhux dejjem ikunu ċari għalkemm l-analiżi dettaljata tati indikazzjoni ċara tal-effett li jista’ jkollha d-deċiżjoni tal-poplu Ingliż.
Ir-relevanza ta’ Malta
Il-konsegwenzi politiċi għal Malta u s-saħħa li jista’ jkollha fl-Unjoni Ewropea mhumiex ċari.
Huwa fatt magħruf li r-Renju Unit u Malta huma parti minn blokk ta’ pajjiżi li ma jaqblux ma’ iktar ċentralizzazzjoni Ewropew tal-poter u lanqas favur iktar federaliżmu. Ir-Renju Unit huwa l-pajjiż l-iktar li għandu saħħa minn dan il-blokk li sal-lum żamm sod biex l-Ewropa ma tispiċċax waħda federali fejn il-pajjiżi jkollhom inqas sehem fid-deċiżjonijiet li jistgħu jieħdu f’pajjiżhom.
L-esperti qalu li l-impatt għal Malta se jkun ħażin minħabba l-bilanċ tal-poter fi Brussels u l-implikazzjonijiet fuq il-leġislazzjoni tal-UE. Is-saħħa li jkollha r-Renju Unit barra mill-Unjoni tkun minima u allura diffiċli li tinfluwenza fuq oqsma komuni li ħadmu fuqhom Malta u r-Renju Unit.
Hemm min isostni li r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u r-Renju Unit jistgħu jieħdu majnata wkoll jekk ma jkunx hemm immaniġġjar tajjeb tagħhom. Madankollu, ir-relazzjonijiet bejn pajjiżna u r-Renju Unit huma b’saħħithom kollha u saħansitra jekk pajjiżna jaħdem bilgħaqal, jista’ jservi bħala pont bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.
Ovvjament minħabba r-relazzjonijiet bejn Malta u r-Renju Unit fl-aħħar għaxar snin kienu kollha f’qafas tal-UE, ftehimiet bilaterali preċedenti jista’ jkun li jkunu tħallew jaqgħu lura u allura jkollhom bżonn jiġu rijattivati.
Jekk ir-Renju Unit jivvota biex jibqa’
Jekk il-vot ikun favur li r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni Ewropea, hemm ċans li l-Prim Ministru Ingliż David Cameron jagħfas ħafna biex jidher qed jikseb drittijiet b’saħħithom għal pajjiżu. Se jkun qed iħares ukoll biex jiddefendi s-sovranita’ ta’ pajjiżu u allura Malta jkollha argument favur sovranita’ wkoll.
Il-ftehim li kiseb Cameron mal-Unjoni Ewropea fih opportunitajiet għal Malta wkoll billi jħares lejn inqas regoralizzazzjoni u spejjeż għat-twaqqif ta’ negozji żgħar.
Ir-Renju Unit jitlef dak li għandu darba għal dejjem
F’każ li r-Renju Unit jiddeċiedi li toħroġ mill-Unjoni Ewropea żgur li se jitilfu kull vantaġġ li għandhom illum il-ġurnata bħala membri. Dan ifisser li se jkunu tilfu l-vuċi f’livell Ewropew u kull saħħa ta’ deċiżjoni li kellhom f’livell ta’ Prim Ministri Ewropej.
Agħar minn hekk, jekk il-vot ikun favur Brexit, l-Ewropa ddeċidiet li mhux se jkun hemm it-tieni ċans. B’hekk anke jekk xi darba r-Renju Unit jerġa’ jiġi biex jidħol lura fl-Unjoni Ewropea, mhux se jsibu l-istess pakkett jistennihom.
Brexit u l-Presidenza tal-Kunsill
Ir-referendum tar-Renju Unit, kemm jekk jerbaħ Brexit u anke jekk ir-Renju Unit jibqa’ fl-UE, se jkollha mpatt fuq il-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel sitt xhur tal-2017.
Il-Presidenza tal-UE se taqa’ f’idejn ir-Renju Unit wara Malta fit-tieni nofs tal-2017.
Il-mistoqsija hija jekk ir-Renju Unit ma tibqax, Malta żżomm il-Presidenza għal sena jew l-Estonja (li jkun imissha wara r-Renju Unit) tibda’ sitt xhur qabel? Din hija mistoqsija ipotetika iżda d-diskussjoni tista’ tibda’ immedjatament minn wara vot Brexit.
Anke jekk ir-Renju Unit tivvota biex tibqa’ fl-Unjoni Ewropea, Malta se tkun qed tmexxi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea meta l-Unjoni Ewropea tiġi biex tinnegozja l-ftehim li sar mar-Renju Unit.
Intant, staqsejna lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar il-possibbiltà li r-Renju Unit tivvota biex toħroġ mill-Unjoni Ewropea. L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li jibqa’ jemmen li r-Renju Unit se tivvota favur li tibqa’ fl-Unjoni Ewropea.
Madankollu l-Gvern qed jipprepara għal kull evantwalità, bil-Prim Ministru jiddikjara iktar minn darba li minkejja kull sfida Brexit ma’ tfissirx li Malta tieqaf tgħamel progress.
IR-REFERENDUM FIL-QOSOR
Ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea mhux darba u tnejn ma qablux dwar x’għandha tkun id-direzzjoni u dak tal-ġimgħa d-dieħla jaf jidher bħala divorzju li ma seta’ jkun evitat qatt.
Sa issa l-istħarriġ juri li xejn m’hu ċert għalkemm dan l-aħħar mhux darba u tnejn li dawk li jridu l-BREXIT kienu fuq quddiem.
Iżda, kif wasalna sa hawn. L-Ewro xettiċi dejjem kellhom rwol importanti fil-politika tar-Renju Unit.
Ta min jinnota li fl-1999 ir-Renju Unit għażel li ma jdaħħalx il-EURO.
L-isem ta’ Nigel Farage huwa wieħed popolari ferm. Iżda, fil-kampanja għar-referendum ħa rwol ċentrali Boris Johnson.
Illum ir-Renju Unit huwa mħasseb minħabba n-numru kbir ta’ immigranti li jidħlu fil-pajjiż, partikolarmanent biex jaħdmu. Inkluż Ewropej.
Fid-dawl li fl-Unjoni Ewropea hemm il-moviment ħieles għal ħafna l-uniku soluzzjoni hi l-Brexit.
Fost dawk li jridu jibqgħu fl-Unjoni Ewropea hemm Il-Prim Ministru David Cameron. Biex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu nnegozja ftehim ġdid mal-Unjoni Ewropea fosthom b’garanziji għas-servizzi finanzjarji Inglizi u restrizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-immigranti.
Jgħid li l-BREXIT tkun diżastru ekonomiku għaliex l-Ewropa tfisser nofs l-esportazzjoni tar-Renju Unit. Cameron jargumenta wkoll li Brexit tfisser deċenju ta’ inċertezza.
Iżda, dawk li jridu joħorġu jsostnu li s-sovranita qed titnaqqar.
Jidher li l-kwistjoni se tkun marbuta ma’ temi ekonomiċi u ta’ immigrazzjoni. Għalkemm jiġri x’jiġri lluma ir-releazzjoni tal-Ingliżi mal-Unjoni Ewropa se tibqa tkun imqanqla.
ONE SE JXANDAR PROGRAMMI SPEĊJALI DWAR BREXIT ILLEJLA FL-22.30 U GĦADA FIS-06.00.