Il-poplu Franċiż ħareġ jivvota biex fit-tieni u l-aħħar rawnd tal-elezzjoni Presidenzjali, jeleġġi l-ħamsa u għoxrin President Franċiż.
Kariga li għaliha qed jissieltu l-kandidat ċentrist ta’ disgħa u tletin sena Emmanuel Macron, u l-kandidata tal-lemin estrem ta’ tmienja u erbgħin sena Marine Le Pen.
Iż-żewġ kandidati, li kienu fost total ta’ ħdax fit-tmienja u għoxrin t’April, offrew viżjonijiet differenti għal pajjiżhom.
Macron ibbaża l-kampanja tiegħu fuq miżuri pro-business u appoġġ lejn l-Unjoni Ewropea filwaqt li Le Pen ikkampanjat ħafna fuq programm kontra l-immigrazzjoni.
Il-votazzjoni bdiet fit-tmienja ta’ dalgħodu u tagħlaq fis-sebgħa tal-lejla, għalkemm f’uħud mill-bliet il-kbar tibqa’ miftuħa sat-tmienja. Bl-ewwel indikazzjonijiet tar-riżultat mistennija joħorġu ftit tal-ħin wara.
L-aktar stħarriġ riċenti fil-pajjiż jindika li Macron għandu vantaġġ fuq Le Pen b’madwar għoxrin punt perċentwal.
Għalkemm it-tbassir juri li Macron huwa l-favorit, huma ħafna dawk li qed jgħidu li dawk li ma joħorġux jivvutaw jistgħu jibdlu dan it-tbassir u allura r-riżultat finali.
Il-votazzjoni tal-lum se tkun l-ewwel darba fi kważi sittin sena li t-taqtigħa finali ma tinkludix politiku miċ-ċentru lemin jew miċ-ċentru xellug.