Marine Le Pen ġiet ikkundannata għal 4 snin ħabs, sentejn minnhom sospiżi li fihom trid tilbes l-appart elettroniku ma’ saqajha, u multa ta’ mitt elf ewro. B’effett immedjat hija wkoll weħlet sospensjoni ta’ ħames snin li matulhom ma tistax tikkontesta għall-kariga pubblika, li jfisser li mhux se tkun tista’ tikkontesta għall-kariga ta’ President ta’ Franza fl-2027.
Is-sentenza inqrat mill-President tal-Qorti ta’ Pariġi Benedicte de Perthuis it-Tnejn filgħodu ftit wara li Le Pen ħarġet irrabjata ’l barra mill-awla.
L-eks President tal-Partit Rassemblement National instabet ħatja ta’ misapproprazzjoni ta’ fondi pubbliċi fil-każ ta’ assistenti parlamentari tal-Partit Front National.
F’kumment lill-midja, Le Pen qalet li dan il-verdett kien wieħed politikament motivat u intenzjonat sabiex ma tikkontestax l-elezzjoni għall-presidenza li jmiss filwaqt li żiedet li miljuni ta’ ċittadini Franċiżi jinsabu rrabjati.
Hija qalet li se tappella u talbet sabiex il-proċeduri tal-Qorti jinstemgħu qabel tibda l-kampanja għall-2027 hekk kif sakemm jinstema’ l-appell mhux se tkun eliġibbli li tikkandida ruħha.
Konsegwentament se jkollha tirriżenja minn kunsillier għad-dipartiment ta’ Pas-de-Calais u għalkemm se tibqa’ sservi bħala membru parlamentari ma tistax tikkontesta elezzjonijiet leġislattivi jekk dawn jingħajtu fil-futur qarib.
Total ta’ 8 MEPs tal-istess partit u tnax-il-assistent instabu ħatja u miżmuma milli jikkandidaw ruħhom. Il-Partit ġie wkoll immultat żewġ miljun ewro.
Le Pen u 24 membru tal-Partit Rassemblement National instabu ħatja li serqu flus intenzjonati sabiex assistenti tal-Parlament Ewropew iħallsu persuni li ħadmu għall-partit fuq medda ta’ kważi tnax-il sena.
Il-qorti stmat li l-Parlament Ewropew tilef total ta’ 2.9 miljun ewro b’Le Pen personalment tisraq madwar €474,000.