Fi stqarrija mirquma bi kliem sabiħ dwar id-drittijiet tal-mara l-isqfijiet iddikjaraw li huma kontra li f’pajjiżna tkun legalizzata l-morning after pill.
Malta hija l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li m’għandiex aċċess legali għal din il-pillola kontraċettiva u fl-aħħar jiem tressaq protest ġudizzjarju l-qorti biex din is-sitwazzjoni tinbidel. 48 siegħa wara l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Mario Grech ukoll daħlu fid-dibattitu.
Bħal fi drabi oħra qalu li qed jitkellmu f’isimhom u għadd ta’ persuni oħra. Dawk li skont huma “jemmnu fil-valur u d-dinjità tal-ħajja”
“Aħna favur id-drittijiet tal-persuna fil-ġuf li għalkemm ma għandhiex qawwa ssemma’ leħinha, id-dritt tagħha għal ħajja għandu jiġi mħares bil-qawwa kollha. Għalhekk, aħna naffermaw b’saħħa li l-legalizzazzjoni ta’ din il-pillola, li hija f’ħafna każi abortiva, m’għandhiex tkun kwistjoni marbuta mad-drittijiet tal-mara jew sempliċement mas-saħħa riproduttiva tagħha,” qalu l-isqfijiet.
Żiedu li “l-kwistjoni għalina tibqa’ l-fibra morali tas-soċjetà tagħna: mingħajrha nkunu nżarmaw mhux biss dak li rċevejna, imma anke nispiċċaw m’għandna xejn x’ngħaddu lil ta’ warajna.”
Fl-istess waqt qalu li japprezzaw il-ħidma favur id-drittijiet tal-mara fis-soċjetà tagħna biex ikunu rispettati u promossi bla heda r-rwol u d-dinjità tal-mara.
Peró żiedu li “fejn hemm bidu ta’ ħajja umana ġdida, hemm kwistjonijiet ferm iktar serji u delikati li jekk ninjorawhom inkunu biss qed nimminaw l-iktar valuri sagri li s-soċjetà u l-konvivenza bejnietna jagħmluhom iktar denji tal-bniedem.”