Plejers tal-futbol magħrufa f’Malta ingħaqdu fil-kampanja nazzjonali kontra l-vjolenza tal-ġeneru permezz ta’ filmat li ġie mniedi.
Michael Mifsud u Alfred Effiong, flimkien ma’ Andrei Agius u Andrew Hogg, jidhru fil-filmat li tifforma parti mill-kampanja tal-MFA u l-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà sabiex tiġi eliminata l-vjolenza tal-ġeneru.
Il-messaġġ tal-filmat, li fih jidhru ukoll r-referee internazzjonali Trustin Farrugia Cann u Gabriella Zahra mit-tim nazzjonali tan-nisa, huwa li fil-vjolenza ta-ġeneru m’hemm l-ebda rebbieħ.
Rapporti ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika f’Malta, li huwa aspett wieħed tal-problema, żdiedu konsidervolment b’ 1,272 każ tul is-sena li għaddiet meta mqabbel mal-450 każ fl-2008 skont ir-rapport annwali ta’ CrimeMalta.
Filwaqt li rringrazzjat lill-plejers tas-sapport tagħhom, il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li flimkien mal-MFA u l-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà se tkun qed tmexxi l-kampanja #StopGenderViolence għaliex konvinta li hemm bżonn li l-pubbliku għandu jkun jaf x’għandu jagħmel fil-każijiet kollha tal-vjolenza tal-ġeneru.