“Le għall-politika tal-mibegħda u tat-tgħajjir”. Saħaq dan il-Prim Ministru Robert Abela quddiem folla kbira fin-Naxxar fejn tenna li bil-kilba għall-poter, il-Partit Nazzjonalista qed jinfexx f’attakki insensati fuq kulħadd inkluż l-agħar attakk fuq il-ġudikatura.
Il-Prim Ministru rrimarka li l-Partit Nazzjonalista reġa’ mar lura għal żmien GonziPN bil-ħatra ta’ Charles Bonello bħala Segretarju Ġenerali, u bir-ritorn ta’ Simon Busuttil. Dr Abela spjega li din il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista għamel minn kollox biex Bonello, li issa huwa Segretarju Ġenerali, itellaq waħdu.
Dr Abela qal li fil-Parlament dawn il-bidliet fil-PN bdew jinħassu tant li l-Oppożizzjoni vvotat bil-qalb kontra l-interessi tal-poplu fosthom l-akbar tnaqqis fit-taxxa fl-istorja ta’ Malta, miżura li tħalli mija u erbgħin miljun ewro fil-bwiet tan-nies.
“GonziPN is back. Bħal dak iż-żmien reġgħu għamlu. Ivvutaw bil-qalb kontra l-interessi tal-poplu. X’kienu għamlu dak iż-żmien? Kienu ivvutaw bil-qalb biex jgħollu l-kontijiet. Gonzipn version 2 ivvota bil-qalb kontra l-aqwa budget fl-istorja ta’ pajjiżna. Ivvutaw kontra l-aqwa żieda fil-pensjonijiet. Ivvutaw kontra l-aqwa żieda fiċ-childrens allowance u l-agħar waħda, ivvutaw kontra l-aqwa u l-ikbar tax cut li qatt tajna fl-istorja ta’ pajjiżna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru semma l-attakk tal-Oppożizzjoni b’tgħajjir u kliem ta’ disprezz fuq l-Ispeaker. Irrefera wkoll għall-attakk ta’ dawk li suppost huma paladini tas-saltna tad-dritt li jridu jixħtu żewġ maġistrati f’investigazzjoni għax ma qablux ma’ deċiżjoni ta’ ġudikant. Saħaq li għada fil-Parlament, il-Gvern se jgħid le għal din il-politika ta’ mibegħda u tgħajjir.
“L-ebda gideb, l-ebda konġuri u l-ebda komplotti mhux se jitħallew għaddejjin aktar. Xejn u xejn. Aħna ġibna bidliet kbar, riformi kbar favur is-sewwa, favur is-saltna tad-dritt u hekk ħa nibqgħu nagħmlu. Però se nkomplu nieqfu bis-saħħa lil dawk li jikkalunjaw lil ħaddieħor u li meta l-istituzzjonijiet jiqfulhom jinfexxew jattakkaw lill-ġudikatura. Le, le. Post għall-politika tal-mibegħda m’hawnx f’dan il-pajjiż.”
Il-Prim Ministru Robert Abela