Daħlu fis-seħħ regoli aktar stretti li jiprojbixxu tmigħ sfurzat tal-għasafar u trobbija tal-annimali għall-pil tagħhom.
Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali ppubblika avviż legali ġdid li jemenda r-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Annimali miżmuma għal raġunijiet relatati mal-Agrikoltura. Dan l-Avviż Legali, LN 187 2022, iżid regolamenti fir-rigward tal-projbizzjoni tat-tmigħ sfurzat tal- għasafar u projbizzjoni tat-trobbija tal-annimali għall-pil, f’Malta.
Dan il-proċess mhux in-norma li jkun ipprattikat f’Malta iżda xorta waħda huwa ferm importanti li din l-projbizzjoni isseħħ sabiex ikun żgurat li l-annimali jkunu protetti. Ħafna darbi, dan il-proċess isir għal platti tipiċi bħal foie gras – prodott tal-ikel magħmul mill-fwied ta’ papra jew wiżż imħaxxen ħafna.
L-ebda persuna ma għandha titma’ b’mod sfurzat għasfur bil-għan li tkabbar il-fwied tal-għasfur akbar mid-daqs normali.
L-ebda persuna ma għandha tikkaġuna jew tippermetti li persuna oħra titma’ b’mod sfurzat għasfur
L-ebda persuna ma għandha żżomm annimali biss jew primarjament: għat-tbiċċir, kemm jekk minnu jew minn ħaddieħor, għall-valur tal-pil tagħhom; jew għat-tnissil ta’ frieħ għal tali tbiċċir.
Il-liġi tgħid li min jikser xi disposizzjoni ta’ dawn ir-regolamenti jeħel multa ta’ mhux inqas minn €4,658 u mhux aktar minn €13,976.
Dawn ir-regolamenti ma japplikawx għal annimali li jgħixu fis-selvaġġ, annimali intiżi għal użu f’kompetizzjonijiet, wirjiet, avvenimenti jew attivitajiet kulturali jew sportivi, annimali għall-esperimentazzjoni jew fil-laboratorju u annimali invertebri.