Dik li kellha tkun għodwa, bħal oħrajn, għal Lawrence Piscopo spiċċat fi traġedja fejn tilef ħajtu, aktarx kawża ta’ xokk elettriku.
Kienu għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħodu, meta Piscopo ta’ 57 sena mill-Ħamrun, erħielha lejn garaxx fi Triq Anton Inglott fl-Imsida biex jaħsel xi vetturi minn fejn ma reġax ħareġ ħaj.
Fuq il-post dlonk marru l-Pulizija, filwaqt li l-Maġistrat Antoine Agius Bonnici ġie informat bil-każ u ħatar inkjesta maġisterjali.
Minkejja dan, il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha, biex tistabbilizza id-dinamika tal-inċident.
Lawrence Piscopo, li hu missier, kien jiddedika ħinu wkoll għall-Parroċċa tal-Kunċizzjoni fil-Ħamrun, tant li serva bħala Chairperson tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali għal dawn l-aħħar sentejn.
Hu ġie deskritt minn ħafna bħala raġel ta’ qalb tajba, ragħaj, umli u persuna maħbuba.
Kienu bosta li sellmu l-memorja ta’ Lawrence, fosthom ħuh it-tewmi, Antonio, u ħuh l-ieħor Ray.
Dan filwaqt li Patri Franco, f’isem il-Parroċċa li kienet tant għal qalbu, sellem il-memorja tiegħu, filwaqt li semma x-xogħol siewi li għamel fi ħdan din il-komunità.