L-eks Prim Ministru u l-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi u l-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista tat-tmeninijiet, Louis Galea huma l-imħuħ wara l-kampanja tal-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Bernard Grech.
Grech se jikkontesta lil Adrian Delia biex isir Kap tal-Partit Nazzjonalista u b’hekk il-fazzjoni Busuttil tikseb lura r-riedni tal-partit.
L-għada li ONE News żvela kif Louis Galea u anki Lawrence Gonzi huma wara l-kampanja ta’ Bernard Grech, it-Times irrappurtat li Gonzi qed jagħti l-pariri lil Grech.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista li tkellmu mat-Times qalu li Gonzi u esponenti oħra fil-Partit Nazzjonalista qed jipparteċipaw f’laqgħat fit-tul fejn ġiet diskussa l-kampanja elettorali ta’ Bernard Grech.
It-Times, qalet li Lawrence Gonzi ried lil Roberta Metsola jtellaq għal Kap Nazzjonalista imma issa la ma tħallitx tikkontesta, qiegħed jgħin b’ruħu u b’ġismu lil Bernard Grech f’dik li hija taqbida bejn żewġ kandidati.
It-Times qalet li Gonzi naqas milli jikkumenta dwar l-għajnuna li qed jagħti lil Bernard Grech.
Sorsi li tkellmu mat-Times qalu li Adrian Delia jaf b’dan kollu u għaldaqstant se jagħmel kampanja kontra l-klikka li sfiduċjatu u se jiftaħ attakk fuq l-establishment Nazzjonalista.
Ma’ Gonzi hemm Louis Galea li Delia kien qabbdu biex jagħmel ir-riformi fil-Partit Nazzjonalista.
Barra d-dar ta’ Louis Galea kienu nqabdu esponenti mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, fosthom Karol Aquilina u Alex Perici Calascione jiltaqgħu f’laqgħa konfoffa.
Wara li ġie sfiduċjat Adrian Delia, Louis Galea malajr kien ħareġ stqarrija jitlob biex Delia jwarrab u qallu biex jieqaf jabbuża mil-lealtà tat-tesserati.
Ma’ Gonzi u Galea ssemma wkoll Chris Said li qed intefa’ b’ruħu b’ġismu fil-kampanja ta’ Bernard Grech.
Said, li kien tellaq ma’ Delia u tilef l-elezzjoni għal Kap, tliet snin ilu, issa qed jitlob is-sostenituri tiegħu biex jappoġġjaw lil Bernard Grech.
It-Times irrapporta li dawk wara Grech kellhom anki laqgħa online, nhar it-Tnejn li għadda fit-tlieta ta’ waraLanofsinhar.
Intant l-eks kelliem ta’ Guido De Marco, Alessandro Farrugia qed jieħu ħsieb il-propoganda ta’ Bernard Grech.