Lejlet baġit ieħor ta’ Gvern Laburista, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi ħareġ jiddefendi r-rekord ta’ Gvern Nazzjonalista mmexxi minnu.
Il-gvern ta’ Gonzi kien ħa d-deċiżjonijiet li jżid il-kontijiet tal-enerġija u l-piżijiet fuq il-ħaddiema.
Dan b’kuntrast mal-lum, fejn Malta għandha l-uniku kontijiet stabbli fl-Ewropa.
Iżda, Gonzi jemmen li hu kien suċċess, u Gvernijiet Laburisti falliment.
Qal, “Dawn l-għaxar snin li għaddew jirrappreżentaw id-deċiżjonijiet li effettivament għamlu ħsara lill-pajjiż u mhux ġid.”
F’mument meta l-aġenziji ta’ kreditu qed jagħtu l-aqwa ratings lil pajjiżna, il-qgħad jinsab fl-iktar livelli baxxi u pajjiżna għandu fost l-ogħla tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, Lawrence Gonzi ħareġ jgħid li l-Gvern kellu għaxar snin ta’ falliment.
Qal, “Ċertifikat ta’ falliment ta’ għaxar snin tmexxija ta’ pajjiżna minn Gvern Laburista. Jien nista’ nagħmel paraguni bħalma jista’ jagħmilhom kulħadd. Jien għamilt kważi għaxar snin Prim Ministru u l-Gvern Laburista għamel għaxar snin fil-Gvern, il-paraguni qegħdin hemmhekk.”
Lawrence Gonzi, simbolu tal-establishment nazzjonalista ma qgħadx lura milli jattakka t-tmexxija preżenti tal-pajjiż.
Qal, “L-argument tal-Prim Ministru li kultant jinsa li hu Prim Ministru, u jitkellem iktar bħala mexxej tal-Partit Laburista.”
L-għada li kien iffirmat ftehim storiku dwar il-paga minima, Lawrence Gonzi attakka wkoll lill-unjins.
Qal, “Ma nistax nifhem kif fi żmienna l-vuċi tal-unions kienet tinstema’ minn seba’ mili bogħod u f’dal-għaxar snin, il-vuċi tal-unions nipprova nsibha u ma nsibhiex.”
Skont Gonzi, il-Labour ipprova jikkopja lilu u lil sħabu tal-Partit Nazzjonalista.
Qal, “Il-Partit Laburista pprova jilbes il-libsa tal-Partit Nazzjonalista imma qed tiġih ftit dejqa u jrid joqgħod attent għax qed tixpakkalu minn kulimkien.”
Fuq kollox Lawrence Gonzi, Prim Ministru fi żmien diversi skandli fosthom dak taż-żewt u l-BWSC, qal hekk.
Qal, “Minn ras il-ħuta trid tagħti l-eżempju.”
Finalment Lawrence Gonzi appella biex in-nies joħorġu jivvotaw għall-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.