Suċċess enormi meta kienet għadha l-iskola. Ta’ 21 sena, diġa’ b’kuntratt ma’ Universal Music u Island Records. Iżda l-kuntentizza ma tiġix biss bil-fama.
Il-kantanta ta’ dixxendenza Maltija Lauren Aquilina ħabbret li l-album li jġib isimha stess mhux biss se jkun l-ewwel, iżda wkoll l-aħħar. Dan minħabba l-istat ta’ saħħa mentali tagħha u l-impatt tal-karriera fuq il-kuntentizza tagħha. Aquilina twieldet fi Bristol lil ġenituri Maltin, Lauren affaxxinat lil ħafna b’leħen uniku u lirika qawwija.
Filwaqt li wiegħdet lill-ħafna segwaċi tagħha li mhux tort tagħhom, sostniet li tħossha mdejqa ħafna, waħedha u mmotivata biss mill-fatt li s-segwaċi tagħha kienu qed jistennew l-album.
“Naf li ħafna minnkom jaraw dan il-pass bħala xi ħaġa tad-dwejjaq” sostniet Aquilina, iżda tgħid li fadiliha ħafna fiduċja fiha nfihsa bħala kittieba tal-lirika. Għalkemm mhux bi ħsiebha tikteb għaliha stess jew inkella tkanta kif kienet qabel.
Sostniet li ddeċidiet li tkun onesta għaliex huwa valur li tapprezza f’ħaddieħor, u ma tixtieqx li tħalli lil min isegwiha jittama li se toħroġ it-tieni album.
Fuq kollox qalet li spiċċat tgħix il-ħolma li kienet toħlom meta kellha ħames snin – u ta’ dan tinsab grata.