Lauda Europe, kumpanija sussidjarja tar-Ryanair applikat għal-liċenzja tal-operat tal-ajru ma’ Malta.
Il-Ministru Ian Borg innota b’sodisfazzjon l-aħbar tal-grupp Ryanair dwar l-applikazzjoni ta’ Lauda Europe għal-liċenzja ta’ operatur tal-ajru.
Il-Ministru għat-Trasport innota li wara l-introduzzjoni b’suċċess tal-Malta Air, b’iktar minn mija u għoxrin ajruplan, Lauda Europe hija protagonista oħra li se tingħaqad mal-familja 9H.
Saħaq li d-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta, Malta issa qed issir il-ġurisdizzjoni tal-għażla fl-Ewropa.
“L-applikazzjoni ta’ Lauda Europe biex takkwista liċenzja mid-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili, tkompli tikkonferma kif l-industrija tal-avjazzjoni tħares b’mod pożittiv lejn il-ġurisdizzjoni Maltija”, saħaq il-Ministru Ian Borg fi stqarrija.
Il-Ministru Borg irringrazzja lir-Ryanair li għażlu lil Malta għall-investiment tagħhom anki f’dan iż-żmien ta’ sfida.
Huwa rringrazzja wkoll lit-tim tad-direttorat ta’ Transport Malta għall-professjonalità u għall-impenn.
Din l-aħbar waslet ftit xhur biss wara li linja tal-ajru oħra tar-Ryanair, il-Malta Air, kisbet liċenzja Maltija u ġimgħat wara li kumpanija oħra, Air Hub, għamlet l-istess.
Bħalissa hemm kumpaniji oħrajn li għaddejjin mill-proċess li l-applikazzjoni tagħhom tiġi mgħarbla mid-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili.