Minn ħdan il-komunità Żejtunija nibet sforz bil-għan li żewġ fatturi li jiddistingwu din il-lokalità minn oħrajn ikunu mniżżla f’inventarju nazzjonali ta’ wirt kulturali intanġibbli.
Kien iktar kmieni din is-sena li l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali ħabbar it-twaqqif ta’ bord bl-inkarigu li jimplimenta l-politika nazzjonali dwar il-qasam tal-wirt kulturali intanġibbli.
Il-bord se jilqa’ l-applikazzjonijiet u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar jekk il-proposti mill-komunità jistħoqqilhomx ikunu fuq l-inventarju nazzjonali. Wara dan il-proċess, numru ta’ elementi tal-wirt kulturali se jiġu proposti għan-nominazzjoni għal-lista tal-UNESCO tal-wirt kulturali intanġibbli, li permezz tagħha jinkiseb ir-rikonoxximent dinji tagħhom.Dan ġibed interess f’diversi lokalitajiet, fejn f’dik Żejtunija l-interess beda mill-komunità. Kellimna dwar dan Keith Vella l-moħħ wara l-inizjattiva #Żejtun_Intangible_Heritage.
“Rajt sens enormi t’għaqda fiż-Żejtun permezz tal-grupp fuq Facebook ‘laqmijiet Żwieten’,” qal Vella meta mistoqsi dwar x’wasslu biex beda din l-inizjattiva.
“Fiż-Żejtun hemm element uniku li għalkemm din il-komunità għandha opinjonijiet differenti fuq każini tal-baned u politika, però, hemm qbil unanimu fejn nemmnu li d-djalett u l-laqmijiet jagħtuna identità lokali fuq bażi nazzjonali u globali,” żied Vella.
Tkellem dwar kif il-laqmijiet jagħtu identità b’mod individwali fuq bażi lokali, jiġifieri kif persuna hija magħrufa fir-raħal, filwaqt li d-djalett jagħti identità ta’ komunità għall-mod kif nużaw il-lingwa Maltija b’diversità minn irħula oħra.
“Nemmnu li d-djalett mhux lingwa tal-kċina b’hekk qed jinġabru l-firem biex nixkupaw darba għal dejjem dan il-ħsieb u niktbu l-istorja għax ser ikun l-ewwel djalett tal-lingwa Maltija li jiġi rreġistrat bħala wirt kulturali intanġibbli,” żied Vella.
Fisser kif il-formoli huma tnejn waħda għad-djalett u l-oħra għal-laqmijiet u qed jiġu provduti minn ħwienet madwar iż-Żejtun, għaddejjin ukoll diskussjonijiet ma’ għaqdiet prominenti fiż-Żejtun biex jgħinu f’din il-ġabra kollettiva.
Hemm tliet kategoriji li fihom tista’ titressaq nominazzjoni:
(a) Elementi ta’ wirt kulturali intanġibbli li jeħtieġ ħarsien immedjat biex ma jintilifx;
(b) Lista rappreżentattiva ta’ elementi ta’ wirt kulturali intanġibbli li jsaħħu d-diversità fil-komunità u l-ħtieġa li jiżdied għarfien dwar l-importanza ta’ dan l-element;
(c) Reġistru ta’ prattiċi tajba ta’ programmi, ta’ proġetti u ta’ attivitajiet li qed iseħħu fil-qasam tal-wirt kulturali intanġibbli biex permezz ta’ dawn il-prattiċi jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Dan kollu hu possibbli għax f’Marzu 2017 il-Parlament Malti approva b’mod unanimu li jirratifika l-Konvenzjoni tal-2003 tal-UNESCO dwar il-Ħarsien tal-Wirt Kulturali Intanġibbli.