Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat qed jiltaqa’ mal-għaqdiet volontarji f’laqgħat ta’ informazzjoni. Din il-laqgħa informattiva kienet dwar l-allokazzjoni ta’ tlett miljun ewro bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika mħabbar mill-gvern.
Dan il-fond huwa mmexxi mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, filwaqt li l-għaqdiet volontarji jistgħu japplikaw għal dan il-fond online.
Waqt din il-laqgħa, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Volontarjat Mauro Pace Pascandalo qal li dawn is-serje ta’ laqgħat saru f’Malta u f’Għawdex biex jinfurmaw lil dawk fis-settur tal-volontarjat, kif se jitqassmu dawn il-fondi.
Huwa spjega: “Qegħdin nagħmlu serje ta’ information meeting biex inħabbru u ninfurmaw is-settur fuq il-fondi, kif ħa nitqassmu u x’inhu eleġibbli.”
Pace Parascandolo qal kif dawn il-fondi huma maqsumin f’erba’ oqsma. Dawk ta’ spejjeż relatati mal-impjiegi, spejjeż relatati ma’ kontijiet ta’ dawl u ilma, spejjeż relatati ma’ servizzi li ngħataw waqt il-pandemija u fond ta’ emerġenza sabiex jappoġġja provvisti relatati ma’ servizzi mogħtija mill-għaqdiet volontarji matul il-pandemija.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Volontarjat Clifton Grima qal li dan huwa l-akbar investiment dirett li qatt sar fis-settur tal-volontarjat.
Huwa sostna: “Dawn huma importanti għaliex qed jagħtu dawl ġdid propju li dak li hija l-ikbar għajnuna li qatt ingħatat min-naħa tal-gvern lis-settur tal-volontarjat.”
Is-Segretarju Parlamentari Grima qal kif dan il-fond se jkun qed jassigura l-eżistenza ta’ dawn l-għaqdiet volontarji li kienu minn ta’ quddiem waqt il-pandemija. Tenna kif il-gvern jinsab kommess li l-isfidi li jaffaċċjaw dawn l-għaqdiet, ibiddluhom f’opportunitajiet.