Opportunitajiet ta’ xogħol, niċeċ ekonomiċi ġodda, is-sostenibbiltà tal-industrija marittima u t-tisħiħ tal-ekonomija blu kienu fiċ-ċentru ta’ diskussjonijiet f’Malta waqt summit tal-WestMED taħt il-Presidenza Maltija.
Għaxar pajjiżi tal-Punent tal-Mediterran adottaw dikjarazzjoni li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ta’ bejniethom u tipprepara l-industrija marittima għas-snin li ġejjin.
Malta, flimkien mal-Mawritanja, bħalissa għandha l-Presidenza tal-WestMED – forum iffukat biex isaħħaħ il-kooperazzjoni fuq l-ekonomija blu – u pajjiżna huwa responsabbli biex imexxi ’l quddiem id-diskussjonijiet u l-laqgħat tal-WestMED.
Permezz tad-dikjarazzjoni, dawn l-għaxar pajjiżi qed jintrabtu li se jaħdmu flimkien biex jilħqu numru ta’ tragwardi importanti fuq 11-il punt ta’ azzjoni, li jvarjaw mit-tkattir ta’ aktar impjiegi u t-tisħiħ tal-ħiliet fl-ekonomija blu, is-sostenibbiltà u l-użu tat-teknoloġija għat-titjib ta’ din l-industrija.
Malta kienet rappreżentata mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, li taħtu jaqa’ s-settur tal-ekonomija blu, flimkien mas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Godwin Mifsud.
Għal dan is-summit f’Malta pparteċipaw Franza, l-Italja, il-Portugall, Spanja, l-Alġerija, il-Libja, il-Mawritanja, il-Marokk u t-Tuneżija.