Matul il-jum tal-Ħadd, il-Gvern Malti kellu numru ta’ laqgħat bilaterali ma’ diversi uffiċjali tal-Gvern Libjan.
F’isem pajjiżna kien hemm il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, u l-Ministru għall-Ambejnt, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli.
Fost dawn il-laqgħat kien hemm dik mal-Prim Ministru Libjan, Abdul Hamid Dbeibah. F’din il-laqgħa mal-Prim Ministru Libjan, iż-żewġ Ministri Maltin tkellmu dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni kummerċjali u politika bejn iż-żewġ pajjiżi ġirien. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Viċi President Libjan, Abdullah Al-Lafi.
Intant, id-delegazzjoni Maltija kellha laqgħat ma’ aktar uffiċjali tal-gvern Libjan, fosthom mal-Ministru għaż-Żejt u l-Gass, Mohammed Oun, il-Ministru għall-Ambjent, Ibrahim Munir Al-Arabi, u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Nalja El Mangoush.
Iż-żewġ naħat tkellmu fuq it-tibdil fil-klima u l-enerġija, u qablu li dawn it-temi huma essenzjali biex iż-żewġ popli jibbenefikaw minn kwalità ta’ ħajja aħjar.
F’konferenza tal-aħbarijiet li kellu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti, Ian Borg, flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Libjan, Najla El Mangoush, huma tkellmu wkoll dwar il-migrazzjoni irregolari, l-aħħar żviluppi fil-kapitali Libjana, Tripli, u l-bżonn ta’ elezzjonijiet demokratiċi, u anki l-mandat ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fis-sentejn li ġejjin.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Libjan laqgħet b’sodisfazzjon l-irwol ta’ Malta li, madwar il-medja tad-diskussjoni fl-Unjoni Ewropea, twassal il-messaġġ favur il-paċi fil-Libja u anki sabiex isiru l-elezzjonijiet demokratiċi f’dan il-pajjiż.
Il-Ministru Ian Borg qal li, permezz ta’ dawn il-laqgħat komplew jissaħħu r-relazzjonijiet mal-Libja.
“Għaliex aħna nixtiequ naraw Libja aktar stabbli, politikament sigura, ħalli terġa’ tibda dik l-attività ekonomika u soċjali bejn iż-żewġ pajjiżi illi gawdejna għal ħafna u ħafna snin.”
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-gvern Malti huwa impenjat li jesplora opportunitajiet mal-Libja fil-qasam tal-enerġija, b’mod partikolari fil-qasam tas-sorsi rinnovabbli.
“Aħna nħarsu lejn il-Libja mhux biss bħala l-ġar tagħna, imma bħala pajjiż ieħor li miegħu rridu nibnu relazzjonijiet tajba biex ikollna Mediterran stabbli. Pero, qegħdin nitkellmu wkoll dwar opportunitajiet li jista’ jkun hemm bejn iż-żewġ naħat, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija. Nemmen li, bid-determinazzjoni taż-żewġ naħat, nistgħu nkomplu ninvestu proprju f’din id-direzzjoni.”
Dawn il-laqgħat ikomplu mat-taħditiet li saru fl-aħħar ta’ Awwissu li għadda, meta l-Prim Ministru Libjan, Abdul Hamid Dbeibah, iltaqa’ mal-Prim Ministru Robert Abela fil-Berġa ta’ Kastilja.
F’dik il-laqgħa bilaterali f’Malta, il-Prim Ministru Robert Abela kien ostna li pajjiżna se jkompli jaħdem sabiex isaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Libja, fosthom fis-setturi tal-enerġija, tal-politika tal-klima, u tas-saħħa.