L-izviluppi drammatiċi ta’ matul il-jum fl-Ukrajna ħallew l-effett tagħhom ukoll fuq ix-xena sportiva internazzjonali.
Il-UEFA sejħet laqgħa urġenti għal sabiex jiġi deċiz x’se jiġri mill-finali taċ-Champions League li suppost kellha ssir fit-28 ta’ Mejju f’St Petersburg ir-Russja. Jidher ċert li din il-finali issa se titmexxa għall-pajjiz ieħor ewropew bid-deċizjoni finali se tittieħed il-Ġimgħa.
Deċizjoni oħra fil-laqgħa tal-Ġimgħa se tkun dwar il-playoffs tat-Tazza tad-Dinja bejn l-Ukrajna u l-Iskozja u dik bejn ir-Russja u l-Polonja skedati għax-xahar id-dieħel. Rigward Russja vs Polonja, li se tintlagħab f’Moska, l-federazzjoni pollakka diġa talbet uffiċjalment biex jinstab grawnd newtrali u li jekk dan ma jseħħx lesti li jibbojkotjaw l-logħba.
Intant, il-logħba mill-Europa League bejn Real Betis u Zenit St.Petersburg se tkun qed tintlagħab kif ipjanat.
U fl-Ukrajna ġew sospiżi l-attivitajiet sportivi kollha fosthom il-kampjonat tal-futbol ukren li ġie sospiz għal xahar. Dan hekk kif il-pajjiz kollu jinsab taħt il-liġi marzjali.