Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Anthony Blinken u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu, Sergei Lavrov iltaqgħu għal taħdidiet urġenti f’Ġinevra fost inkwiet u t-tħassib li r-Russja se tinvadi lill-Ukrajna.
Blinken wissa lil Moska b’konsegwenzi serji jekk il-forzi Russi jaqsmu l-fruntieri u qal li dan huwa mument kritiku.
Żied li l-Istati Uniti u r-Russja ma jistennewx li jsolvu d-differenzi ta’ bejniethom illum, imma qal li qed jittama li tirbaħ id-diplomazija.
Wara l-laqgħa, Lavrov qal li d-diskussjonijiet kienu miftuħa u utli.
Ir-Russja għandha mal-mitt elf truppa mal-fruntieri iżda ċaħdet li qed tippjana li tattakka.
Il-President Vladimir Putin insista li l-Ukrajna qatt ma kellha titħalla tingħaqad man-Nato.