Pajjiżna ġie magħżul biex jospita laqgħa organizzata mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, f’Novembru li ġej bit-tema ‘Health Work Force Planning’. Dan tħabbar f’Ċipru waqt laqgħa, li għaliha hemm l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela.
Il-laqgħa qed tiffoka fuq żewġ oqsma ewlenin: il-kanċer, inkluż programmi ta’ screening u kanċer pedjatriku, kif ukoll is-saħħa u t-tibdil fil-klima, inkluż l-impatt u l-esperjenzi ta’ pajjiżi żgħar.
Il-Ministru Abela ddiskuta wkoll l-isfidi li jiffaċċjaw pajjiżi żgħar fl-akkwist ta’ mediċini. Fil-fatt il-WHO qablet mal-Ministru u qalet li dan għandu jingħata prijorità.
Rigward l-effetti tat-tibdil tal-klima, il-Ministru semma kif f’Malta l-entitajiet governattivi għandhom pjan t’azzjoni għat-tibdil tal-klima u l-Gvern kommess li jkompli jieħu azzjoni kontra dan il-fenomenu globali.