Bi tħejjija għad-diskussjoni li se jsiru fil-Kunsill Ewropew, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ħa sehem fil-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Ewropej.
Din il-laqgħa ffukat prinċiparjament fuq il-fond Ewropew għall-irkupru b’reazzjoni għal pandemija tal-Coronavirus u l-budget Ewropew għas-seba snin li ġejjin.
Waqt din il-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li hemm bżonn ta’ impenn biex jintlaħaq ftehim mill-aktar fis fuq il-pjan għal irkupru b’saħħtu sabiex jgħin lin-negozji u liċ-ċittadini Ewropej. Huwa nnotta kif il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea jinkludu diversi elementi pożittivi iżda saħaq li hemm bżonn li jsiru aktar diskussjonijiet fuq il-budget Ewropew u l-fond għall-irkupru.
F’din il-laqgħa bejn il-Ministri tal-Affarijiet Ewropej, in-negozjatur ewlieni tal-Unjoni Ewropea qal l-aħħar żviluppi dwar bejn ir-relazzjonijiet tal-Unjoni u r-Renju Unit. Filwaqt li l-Ġermanja, il-Portugall u s-Slovenja ppreżentaw il-programm tagħhom ta’ 18-il xahar bejn Lulju li ġej u l-aħħar ta’ Diċembru 2021 għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew.