Qabel ma jibda s-summit bejn il-Mexxejja Ewropej, għada, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun se ssir laqgħa bejn il-Mexxejja tal-Partiti Soċjalisti Ewropej fejn se jiġu diskussi materji bħall-Immigrazzjoni u s-sittin sena mit-Trattat ta’ Ruma.
Fost il-Mexxejja li kkonfermaw l-attendenza tagħhom, flimkien mal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat hemm il-President Franċiż Francois Hollande, il-Prim Ministru Taljan Paolo Gentiloni, il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras, il-Prim Ministru Antonio Costa tal-Portugal, il-Prim Ministru tal-Isveżja Stefan Lofven, il-Prim Ministru tar-Rumanija Sorin Grindeanu u l-Kummissarju Ewropew Federica Mogherini fost aktar Mexxejja ta’ Partiti Soċjal-Demokratiċi fl-Ewropa.
Se jkun hemm preżenti wkoll il-President tal-PES Sergei Stanishev u Gianni Pitella President tal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew.
Is-Sibt li ġej mistenni jiltaqa’ ukoll fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun, l-Eżekuttiv tal-PES Women immexxi mill-President Zita Gurmai li flimkien ma’ NL-Nisa Laburisti se jkunu qed jiddiskutu diversi materji fosthom il-vjolenza domestika u l-impjiegi u l-ħlas indaqs.