1:40: Il-ġurnalisti daħlu fid-Dar Ċentrali fejn Adrian Delia mistenni jindirizza konferenza tal-aħbarijiet.
1:22: Minn ħin għall-ieħor il-ġurnalisti qed jistennew lil Adrian Delia biex joħroġ jagħti kummenti. Clyde Puli saħaq li għandu jitkellem Delia u anki toħroġ stqarrija.
1:15: Dehru ħerġin numru ta’ deputati Nazzjonalisti. Uħud ġew mgħajjra tradituri minn partitarji Nazzjonalisti ta’ Delia u deputati oħrajn, magħrufa li jappoġġjaw lil Delia ntlaqgħu minn ċapċip. Fost oħrajn, l-attivisti Nazzjonalisti li jinsabu barra nfexxew jgħajtu u jgħajru bi tradiment hekk kif ħareġ Claudio Grech. Min-naħa l-oħra bdew iċapċpu hekk kif ħareġ Clyde Puli.
1:05: Attivisti u tesserati Nazzjonalisti ta’ Delia jinsabu diżullużi u rrabjati. Instemgħu jgħajtu hekk kif ONE News żvela li 19-il deputat sfiduċja lil Adrian Delia. “Issa tieħduh il-vot”, instemgħet waħda mit-tesserati hekk kif barra d-Dar Ċentrali żdiedet it-tensjoni.
0:58: Sorsi fil-laqgħa qalu li 19-il membru parlamentari sfiduċja lil Adrian Delia. Kienu 11-il deputat li vvutaw favur Delia.
0:50: ONE News jinsab f’pożizzjoni li jiżvela li bħalissa għaddeja l-votazzjoni ta’ sfiduċja f’Adrian Delia. Is-sorsi tagħna fil-laqgħa qalu li d-deputati qed jivvutaw bħalissa.
00:45: Il-partitarji u t-tesserati li jinsabu barra d-Dar Ċentrali u li jappoġġjaw lil Adrian Delia qed juru l-għadab u r-rabja tagħhom għad-deputati Nazzjonalisti li baqgħu qatt m’aċċettaw li Delia ġie elett demokratikament mit-tesserati. “Aħna għażilnih Kap u ħadd ma jneħħih jekk mhux aħna”, instema’ wieħed jgħid, b’attivist ieħor talbu biex ibaxxi leħnu hekk kif resqu lejh xi ġurnalisti li hemm barra d-Dar Ċentrali. Dan kollu qed iseħħ fl-isfond li l-grupp parlamentari Nazzjonalista mistenni jressaq vot minn ħin għall-ieħor biex jisfiduċja lil Delia u li dwar il-vot hemm kwistjoni taħraq jekk għandux ikun vot sigriet jew le.
00:35: Barra d-Dar Ċentrali tinħass ċerta stennija għall-eżitu tal-vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia. Numru mdaqqas ta’ partitarji u attivisti Nazzjonalisti ta’ Adrian Delia jidhru anzjużi. Jeżisti kordinament ta’ kif se joħorġu n-nies mid-Dar Ċentrali li tinsab imsakkra, bl-uffiċjali tas-sigurtà tal-Partit Nazzjonalista jinsabu hemm għal-lest li jista’ jinqala’. Sa issa s-sorsi tagħna qed jibqgħu jgħidu li kompliet tisħon il-qiegħa dwar kif għandu jittieħed il-vot ta’ sfiduċja fil-Kap. Adrian Delia qed jibqa’ jsostni li ma jitteħidx vot sigriet.
00:15: Nifhmu li l-pulizija tista’ tkun qed teskorta lid-deputati Nazzjonalisti wara l-vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia. Sadanittant, il-partitarji Nazzjonalisti li jappoġjaw b’ruħhom u b’ġisimhom lil Adrian Delia għadhom barra jistennew xi aħbar dwar il-Kap tagħhom. Jeżisti wkoll pjan biex jiġi eskortat Adrian Delia wara l-laqgħa tal-grupp parlamentari Nazzjonalista.
23:40: Issa l-laqgħa ilha għaddejja għal madwar erba’ sigħat u ġiet innutata iżjed preżenza ta’ pulizija barra d-Dar Ċentrali. Il-bieb prinċipali tad-Dar Ċentrali huwa msakkar u ntlemaħ uffiċjal tal-pulizija jidħol fil-binja tal-istamperija minn bieb ta’ garaxx fil-ġenb.
23:15: Adrian Delia qed jinsisti li l-vot ta’ sfiduċja fih għandu jittieħed fil-miftuħ u mhux permezz ta’ vot sigriet. “Bix-show of hands”, ġie kwotat jgħid Delia mis-sors ta’ ONE News fil-laqgħa taħraq. Fil-fatt issa l-laqgħa kompliet tisħon u jidher li hemm diskussjoni mqanqla u ħarxa dwar jekk il-vot għandux ikun wieħed sigriet jew id-deputati għandhom juruh fil-miftuħ jekk għandhomx fiduċja jew le fil-Kap Adrian Delia.
22:50: Is-sorsi tagħna jgħidu li ġiet imfassla l-mistoqsija ta’ sfiduċja f’ Adrian Delia.
22:15: Minn ħin għall-ieħor mistenni jittieħed il-vot ta’ sfiduċja permezz ta’ vot sigriet. Is-sorsi ta’ ONE News fil-laqgħa mifnija bil-ġlied qed jgħidu li dan il-vot huwa imminenti li jittieħed wara li Adrian Delia baqa’ jirrifjuta li jirriżenja minn jeddu. Nifhmu li saret pressjoni biex Delia jitlaq bil-kwiet, bil-Kap Nazzjonalista juri li mhux se jċedi.
22:00: Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia tgħaddi botti lil Adrian Delia fuq il-profil tagħha fuq facebook. Fuq il-midja soċjali ssib l-appoġġ tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Hija qalet li l-ġurnalisti u s-sorsi tagħhom m’għandhomx ikunu fil-mira. Dan wara li t-Times irrappurtat komunikazzjoni kontinwa bejn Adrian Delia u Yorgen Fenech wara li kien magħruf li n-negozjant Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.
21:50: Attivisti Nazzjonalisti li jappoġġjaw lil Adrian Delia wrew l-għadab tagħhom għad-deputati Nazzjonalisti li qed jagħmlu ħsara lil Kap. Dawn huma siltiet minn kummenti tal-attivisti ma’ Brian Hansford.
Aktar kmieni:
ONE News jista’ jiżvela li quddiem il-grupp parlamentari Nazzjonalista se titressaq mozzjoni biex jitressaq vot ta’ sfiduċja fil-Kap Adrian Delia.
Wara li din il-mozzjoni mistennija tgħaddi, jittieħed il-vot ta’ sfiduċja fil-Kap b’vot sigriet minn fost il-grupp parlamentari Nazzjonalista.
Is-sorsi ta’ ONE News fil-laqgħa qalu li l-laqgħa tal-grupp parlamentari li sa issa ilha għaddejja tliet sigħat hija kkaratterizzata minn ġlied.
Adrian Delia huwa Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni li qed jaffaċċja pressjoni permezz ta’ vot ta’ sfiduċja wara rapport tat-Times il-Ħadd li għadda li fih ġew ippubblikati messaġġi u komunikazzjoni kontinwa bejn Delia u s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Dawn il-messaġġi saru wara li sar magħruf li Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black. Barra d-Dar Ċentrali, tispikka preżenza tal-pulizija u n-nies u attivisti Nazzjonalisti leali lejn Adrian Delia.
Fil-fatt tal-fazzjoni Delia mmobilizzaw in-nies biex dawn imorru l-istamperija llejla u jesprimu l-appoġġ għall-Kap. Dawn in-nies instemgħu jgħajtu li min qed jagħmel ħsara u deni lil Delia minn għada mhux se jibqgħu hemm.
Din kienet referenza ċara għal dawk id-deputati tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li jridu jtajru lil Kap Adrian Delia.