L-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni kompliet bil-laqgħat ta’ konsultazzjoni; bir-raba’ u l-aħħar laqgħa saret fil-gżira Għawdxija.
Għal din il-laqgħa attendew ħaddiema li joperaw fit-twaqqigħ u l-iskavar, u bennejja.
Din ir-raba’ laqgħa tmexxiet mill-Kap Eżekuttiv tal-BCA, is-Sur Jesmond Muscat.
Fil-bidu ta’ din il-laqgħa, ġie spjegat li meta tgħaddi l-konsultazzjoni, l-Awtorità tkun tista’ tagħrbel dak kollu li ingħad u tiffinalizza l-Avviż Legali dwar il-Liċenzjar tal-Kuntratturi.
Matul il-laqgħa tal-bieraħ li saret fil-Gozo Innovation Hub ix-Xewkija, ġew spjegati r-regolamenti u d-dettalji dwar iż-zmien meta kuntrattur għandu japplika għal-liċenzja biex ikun jista’ jibqa jopera.
Fit-tieni parti tal-laqgħa, dawk preżenti ngħataw l-opportunità jagħmlu l-interventi tagħhom.
Din il-konsultazzjoni pubblika tagħlaq nhar il-Ġimgha 21 ta’ April 2023. Min hu interessat jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ regolamenti li jinsabu fuq is-sit elettroniku https://bca.org.mt/licensing-of-contractors/ jista’ jagħmel dan billi jibgħat email bil-kummenti tiegħu fuq consultation.construction@gov.mt.