Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri indirizza laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-Politika Agrikola Nazzjonali, is-Sannat, Għawdex. Camilleri qal li huwa ta’ sodisfazzjon għal dan il-Gvern li, għall-ewwel darba, nieda l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, għall-Politika Nazzjonali għall-Agrikoltura għall-għaxar snin li ġejjin. Fil-fatt, kompla Camilleri, din il-Politika Nazzjonali hija tal-ewwel tax-xorta tagħha f’pajjiżna, politika li ser tkun qiegħda tagħti lil dan il-Gvern, lil pajjiżna, it-triq ’il quddiem għas-snin li ġejjin fil-qasam agrikolu tal-gżejjer Maltin.
Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha preżenti tal-interess li wrew, sostna li dan il-Gvern jinsab kommess li jrid jagħti futur lill-bdiewa u li-raħħala. Is-Segretarju Parlamentari spjega kif wara xhur ta’ analiżi tas-sitwazzjoni preżenti ta’ kull settur agrikolu, flimkien ma’ diskussjonijiet vasti, infetħet din il-konsultazzjoni bl-aktar mod apert sabiex issa tkun konsolidata l-viżjoni ta’ dan il-Gvern għall-futur. Din il-viżjoni se tkun immarkata f’dokument aħħari li se jkun qed jixpruna lis-setturi agrikoli fl-għaxar snin li ġejjin.
Il-politika li tnediet ftit tal-jiem ilu ser tkun qiegħda tpoġġi quddiema sitt objettivi strateġiċi – miri li ġew magħmula u identifikati mis-settur stess, u li jridu issa jintlaħqu sabiex naraw il-biedja f’pajjiżna timxi ’l quddiem.
L-ewwel objettiv: preżentazzjoni, labelling u traċċabilità tal-prodott;
It-tieni objettiv: il-konsolidazzjoni tal-art u tar-rabà;
It-tielet objettiv: is-sosten tal-ilma u r-riżorsi;
Ir-raba’ objettiv: il-kompetittività u d-diversifikazzjoni fil-produzzjoni agrikola;
Il-ħames u s-sitt objettivi: adattament lejn sfidi u riċerka fis-settur.
Għal dan kollu, ġew identifikali sebgħin (70) miżura, li b’mod fattwali jistgħu jiġu implimentati fiż-żmien li ġej. Dwar dan ingħatat ukoll preżentazzjoni mill-konsulent agrikolu, is-Sur Eman Vella minn Atriga Consulting Services li flimkien mat-team tiegħu ħa ħsieb it-tfassil tal-policy.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri stqarr li dak li ħabbar ftit tal-jiem ilu flimkien mal-Prim Ministru huwa parti mit-tama u l-kuraġġ li bħala Gvern nixtiequ nagħtu lil kull bidwi u raħħal Malti u Għawdxi. Kompla jgħid li l-prodott naturali Malti, fis-sempliċità tiegħu, huwa l-aktar prodott bnin u ġenwin li aħna lkoll nafu.