Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapital Ian Borg kellu laqgħa ta’ konferenza diġitali mal-Kummissarju għat-Trasport Adina Valean kif ukoll il-kontropartijiet tiegħu, il-ministri għat-trasport tal-pajjiżi membri stati. Il-laqgħa saret minħabba s-sitwazzjoni bla preċedent li d-dinja qed taffaċċja minħabba l-coronavirus.
Il-kriżi tal-coronavirus tefgħet lenti fuq l-isfida tal-protezzjoni tas-saħħa tal-popli ta’ kull pajjiż u tat-teħid tal-miżuri neċessarji fil-mument opportuni biex jiġi evitat it-tfixkil għall-moviment liberu tan-nies u t-twassil tal-merkanzija u servizzi essenzjali madwar l-Ewropa.
Il-Ministru Ian Borg spjega d-diversi miżuri li qed jiġu implimentati lokalment fir-rigward tat-trasport. L-aktar deċiżjonijiet importanti li ttieħdu dwar dan is-suġġett huma l-projbizzjoni tat-titjiriet kollha tal-passiġġieri diħlin fil-pajjiż mis-Sibt 21 ta’ Marzu, it-thermal scanning tal-passiġġieri, l-ekwipaġġi u s-sewwieqa, u l-miżuri ta’ fumigazzjoni li qed jiġu adotatti fuq it-trasport pubbliku, fost ħafna oħrajn.
Il-ministru qal li strumenti ta’ serħan ekonomiku se jkunu essenzjali għall-industriji tat-trasport biex jibqgħu joperaw wara l-effetti ekonomiċi tal-kriżi. “Huwa essenzjali li f’ċirkostanzi tant eċċezzjonali mhux biss ngħinu lil dawn is-setturi biex ilaħħqu imma jeħtieġ li niżguraw li jkun hemm katina tal-provvista intermodali mingħajr interruzzjoni ta’ prodotti essenzjali, bħal mediċini u prodotti tal-ikel, għalhekk soluzzjonijiet temporanji u prattiċi għandhom jiġu mfittxija”, qal il-Ministru Borg.