Diversi ġurnalisti sportivi li jsegwu l-kampjonat BOV Premier u t-timijiet Nazzjonali Maltin kellhom laqgħa informali mal-kowċ Nazzjonali Devis Mangia fejn fiha ingħatat informazzjoni utli ta’ dak li qed iseħħ fiċ-ċentru tekniku tal-MFA.
L-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) aċċettat l-istedina tad-dipartiment tal-Kummunikazzjoni tal-MFA u ħadet sehem f’din il-laqgħa li fiha ġiet ippreżentata l-ħidma u l-viżjoni ta’ Devis Mangia bħala kowċ tat-tim Nazzjonali u bħala Direttur tekniku tat-tims Nazzjonali kollha min dak ta’ taħt il-15 -il sena ‘l fuq.
Fil-laqgħa Mangia spjega kif il-livell ta’ preparazzjoni tat-timijiet nazzjonali kollha qed isir fuq livell professjonali mhux biss mil-lat tekniku iżda anke mil-lat xjentifiku fejn bi pjattaforma ġdida li investit fiha l-MFA sabiex il-kowċis kollha għandhom l-aħħar data u kull dettall ieħor li jirrigwardja l-plejers.
Il-laqgħa kellha diversi interventi mill-ġurnalisti li taw l-opinjoni tagħhom dwar is-sitwazzjoni tal-futbol f’Malta. Għal din il-laqgħa flimkien mal-President Sandro Micallef, is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-membri mill-Eżekuttiv Stephen Azzopardi, Robert Busuttil, Antvin Monseigneur, Domenic Aquilina u Mark Muscat, ħadu sehem diversi ġurnalisti li jsegwu l-futbol lokali. Dawn huma: Antoine Busuttil, Cristian Muscat u l-membri tal-ĠħĠS Riccardo Flask, Joanna Camilleri, Charles Vella, Gianluca Lia, Josef Galdes u Raffaela Colacecchi. Fi tmiem il-laqgħa l-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Sandro Micallef ippreżenta tifkira tal-okkażjoni lil Devis Mangia.