Il-Kummissjoni għall-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport organizzat attività li kienet tinkludi diversi workshops u focus groups mal-edukaturi tal-edukazzjoni fiżika fejn ġew diskussi tliet temi prinċipali li jinkludu miri li jindirizzaw dawk imminenti fuq żmien medju u oħrajn b’viżjoni fit-tul u li huma marbuta mal-aspett edukattiv tal-istrateġija sportiva.
It-temi f’dan ir-rigward trattaw fost l-oħrajn is-suġġetti tal-edukazzjoni fiżika u l-isport kemm il-kunċett fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport kif ukoll l-isport ġenerali fuq skala nazzjonali.
Fost id-diskussjoni spikka l-fatt li, għall-għalliema, hu kruċjali li s-suġġett tal-edukazzjoni fiżika jingħata iktar importanza sabiex aktar studenti minn età żgħira jiġu attirati lejn l-isport u li s-suġġett tal-edukazzjoni fiżika jkun strutturat fuq livelli għoljin.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li wara li smajna lill-edukaturi jidher biċ-ċar li teżisti r-rieda biex is-suġġett tal-edukazzjoni fiżika jkun f’qafas iktar professjonali.
Il-gvern hu mpenjat li jkompli jgħolli l-livell tal-isport f’pajjiżna b’aktar investiment permezz tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Isport.
Għal dan l-għan inħolqot kummissjoni fejn qed tiltaqa’ mal-istakeholders kollha biex naraw kif l-atleti żgħar ikunu jistgħu jaċċellaw fuq livell lokali kif ukoll fuq dak internazzjonali.
Din id-diskussjoni kienet waħda minn sensiela ta’ laqgħat oħrajn li l-Kummissjoni tinsab impenjata torganizza biex tiġi mfassla l-Istrateġija Nazzjonali tal-Isport, liema strateġija li fost l-oħrajn se tkun immirata mhux biss lejn it-tkattir ta’ parteċipanti fis-settur tal-isport iżda wkoll biex pajjiżna jikseb riżultati eċċellenti f’kull dixxiplina sportiva inklużi fil-manifestazzjonijiet sportivi fuq livell internazzjonali.
Eżerċizzju simili kien qed isir fl-istess ħin f’Għawdex biex tiġi ndirizzata l-viżjoni Għawdxija f’dan l-aspett ukoll.
Il-parteċipanti kienu jinkludu edukaturi tal-primarja u tas-sekondarja mill-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti.