Ir-rwol doppju ta’ Malta fit-tmexxija tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u anke f’dik tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni tal-Ewropa jpoġġi lil pajjiżna f’vantaġġ biex jixpruna l-ħidma u s-sinerġija bejn l-istess istituzzjonijiet internazzjonali.
F’laqgħa storika fi New York, fl-Istati Uniti tal-Amerka, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Ian Borg, indirizza l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda fir-rwol ta’ Chairperson-in-Office tal-OSCE, fl-istess waqt li Malta għandha wkoll il-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà matul dan ix-xahar.
Hu nnota kif it-tnejn huma istituzzjonijiet bl-istess għan u għandhom rwol li jikkumplimenta l-isforzi li qed isiru favur il-paċi u s-sigurtà f’kuntest reġjonali u internazzjonali, rispettivament.
Kienet storika u differenti llum fil-Kunsill tas-Sigurtà l-fatt li minħabba li Malta storikament, għall-ewwel darba li qatt ġrat fl-istorja, għandha kemm il-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà kif ukoll il-Presidenza tal-OSCE, li hi l-akbar organizzazzjoni dwar is-sigurtà fir-reġjun Ewropew, allura kellna nindirizzaw fuq iż-żewġ naħat lil xulxin.
Il-Ministru Ian Borg
Il-Ministru Borg qal li, fid-dawl tal-isfidi, frott il-konflitti madwar id-dinja, ir-rieda għall-kisba tal-paċi għandha tkun akbar u mhux twassal għal nuqqas ta’ azzjoni mill-politiċi.
Minkejja dan, innota kif kull organizzazzjoni multilaterali tiddependi fuq ix-xogħol u l-impenn tal-membri kollha tagħha.
Qal ukoll li l-pożizzjoni ta’ Malta hi msejsa fuq l-għan li tirrenja l-istabilità u l-fiduċja fis-sistema internazzjonali.
Bl-istess mod, hemm il-prinċipju tal-kisba għall-paċi u s-sigurtà.
Apparti li naraw kif nistgħu nindirizzaw sfidi organizzattivi li għandha l-organizzazzjoni, bħall-baġit, bħal min se jkun qed imexxiha ’l quddiem fis-snin li ġejjin, irridu nkomplu naħdmu u għalhekk qed nivvjaġġaw f’dawk il-postijiet fejn għandna l-missjonijiet tagħna. Il-ġimgħa li għaddiet mort is-Serbja, il-Kosovo, il-Moldova, iżda issa se nkun qiegħed immur fis-South Caucasus kif ukoll żoni oħrajn, inkluż l-Asja Ċentrali. Il-prijoritajiet ivarjaw anke għax din l-organizzazzjoni tħares lejn is-sigurtà b’mod komprensiv.
Il-Ministru Ian Borg
Il-Ministru Borg tenna l-impenn li jinstabu soluzzjonijiet effettivi u sostenibbli biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-OSCE u l-kapaċitajiet għal rispons effettiv u flessibbli għal dak li jinqala’.
Qal li tul dawn il-Presidenzi, Malta se żżomm pożizzjoni konsistenti, imsejsa fuq prinċipji inekwivoki li jduru mal-paċi.