Selah, it-tifla Palestinjana minn Gaza li bħalissa qiegħda Malta għall-kura, żaret l-Iskola Primarja tar-Rabat Għawdex, magħrufa bħala l-Happy School.
Iż-żjara tat-tifla, li għaddiet minn trawma kbira hekk kif ommha u ħuha nqatlu f’attakk mill-militar Iżraeljan f’Gaza, waqt li hi ndarbet serjament, kienet possibbli grazzi għall-Ambaxxatur Palestinjan Fadi Hanina u l-kollaboraturi tiegħu.
L-iskop wara din iż-żjara fl-iskola Għawdxija kien li t-tfal tal-iskola Għawdxija jifhmu aktar l-importanza tal-paċi u l-ftehim u kif il-gwerra ġġib biss inkwiet u aktar vjolenza.
Selah kienet milqugħa mit-tmexxija tal-iskola u niżlet fil-bitħa tal-iskola fejn kienu qed jistennewha l-edukaturi u l-għalliema kollha li għal din l-okkażjoni kienu lebsin ilkoll l-abjad, f’simbolu ta’ paċi.
L-okkażjoni kienet animata minn kant mit-tfal tal-Kinder 2 u tal-Ħames Sena bil-kanzunetta ‘Peace’ u żifna minn studenta mir-Raba’ Sena. Wara, tlett itfal mill-Ewwel Sena ppreżentaw għotja ta’ flus u kartolina mdaqqsa u sabiħa lit-tifla Palestinjana, magħmula minn edukatriċi mill-iskola stess.
Studenti tal-Ħames Sena wkoll qassmu bookmarks magħmulin apposta għall-okkażjoni b’messaġġ ta’ paċi fuqhom.
It-tfal kollha, imbagħad, irregalaw lil Selah ħafna rigali, minn kotba sa ġugarelli, waqt li ndaqqet il-kanzunetta ‘We Are The World’.
Fi tmiem l-assemblea, l-Ambaxxatur Fadi Hanina rringrazzja lill-komunità tal-iskola tal-istedina u tal-merħba sabiħa li ngħataw.