Bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika li qed issir dwar ir-riforma proposta mill-Gvern fis-sistema tal-kumpilazzjonijiet u r-rinivji, il-Ministeru għall-Ġustizzja organizza l-aħħar minn sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni.
Din saret fi Pjazza Antoine De Paule, Raħal Ġdid, u għaliha kien hemm għadd sotanzjali ta’ nies minn kull spettru tas-soċjetà, fosthom esperti fis-settur legali u diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi.
Laqgħat oħra simili ġew organizzati mill-Università, mill-MCESD, mal-Partit Laburista, u ma diversi partijiet oħra interessati.
L-aspetti ewlenin ta’ din ir-riforma li qed jixpruna l-Gvern huma li l-kumpilazzjoni tintemm fi żmien sena; li jiżdiedu l-każijiet fejn il-kumpilazzjoni tista’ ma ssirx, billi f’din il-kategorija mar-reati b’massimu ta’ 6 snin ħabs se jiżdiedu wkoll dawk li l-massimu ma jeċċedix it-12-il sena ħabs; li l-Prosekuzzjoni trid tmur il-Qorti bil-provi u tippreżentahom fi żmien massimu ta’ 70 ġurnata; li numru ta’ xhieda se jkunu jistgħu jixhdu b’affidavit; li jiġi assigurat li kwistjonijiet Kostituzzjonali u ta’ Drittijiet Fundamentali ma jwaqqfux il-kumpilazzjoni; li jiddaħħlu emendi biex il-vittmi jkollhom il-jedd illi jipparteċipaw attivament fil-proċeduri; u li f’każ ta’ ammissjoni bikrija jkun hemm tnaqqis awtomatiku bil-liġi tal-piena li ma jkunx jiddependi mid-diskrezzjoni tal-Prosekuzzjoni jew tal-Qorti.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, saħaq fuq l-importanza tal-konsultazzjonijiet pubbliċi, speċjalment fuq liġijiet sensittivi. Huwa kompla jgħid li parti minn din hija riforma ċentrali li għandna tassigura li l-ġustizzja mhux biss issir u tidher li qed issir, imma wkoll ssir fi żmien raġjonevoli.
Din ir-riforma għalhekk, hija importanti biex is-sistema tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja titjieb u titbiegħed mill-periklu tal-istaġnar. Il-miri ewlenin ta’ din ir-riforma huma li jiġi assigurat li l-ġustizzja ssir fi żmien raġjonevoli, li s-soċjetà tiġi protetta aħjar mill-perikli tal-kriminalità u li sservi ta’ benefiċċju għal kull min ikun involut fi proċess kriminali.
Il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sa nhar l-Erbgħa li ġej.