B’10 voti favur u 4 kontra, il-bord tal-Awtorita tal-Ippjanar approva l-proġett tad-DB Group fuq l-art tal-ITS f’Pembroke li jinkludi binja ta’ tmienja u tletin sular u lukanda ta’ 17-il sular.
Il-proġett ġie approvat fi tmiem laqgħa pubblika li saret fil-Liceo tal-Ħamrun li għaliha attendew madwar mitejn u sittin ruħ fosthom residenti ta’ Pembroke u konsulenti tal-proġett.
Il-Periti Jesmond Mugliett u Daren Sciberras qalu li l-proġett hu maqsum fi tliet partijiet u mhux se jbiddel it-toroq tal-madwar. Żiedu li l-faċċata tal-ITS se tinżamm u se tiġi amalgamata mal-proġett.Fi tmiem il-laqgħa, il-vot intlaqa’ b’ċapċip u nuqqas ta’ apparovazzjoni għall-membri tal-bord.
Joseph Zammit, resident f’Pembroke tkellem favur dan l-investiment minkejja li s-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili vvota kontra l-proġett.
“F’kull ħaġa jkun hemm il-pożittiv u n-negattiv u ovvjament bħalma tkellem is-Sindku tagħna, bħalissa hemm in-negattiv. Waqt li jkunu qed isiru x-xogħolijiet se jkun hemm impatt negattiv fuq ir-residenti tal-madwar imma imbgħad wieħed irid iħares lejn l-aspett pożittiv. Hija żona fejn għal ftit taż-żmien baqgħet mitluqa. Dan il-proġett nemmen li se jgħolli l-valur ta’ hawnhekk”.
Tul il-laqgħa li damet sitt sigħat, spikka s-sentiment ta’ residenti Slimiżi li kienu rrabjati lejn il-Kunsill li kien inkonsistenti fil-pożizzjonijiet li ħa.
Qalu li l-Kunsill warrab il-ħtiġijiet tar-residenti u permezz ta’ dan il-proġett, dawn l-inħawi se jerġgħu jigħataw il-ħajja.
Id-deputat Clayton Bartolo li hu membru fil-bord qal li ma jistax ikollna żona bla masterplan iżda qal li dan m’għandux jippenalizza lill-applikant. Qal iżda li l-applikant għandu responsabbiltà biex jara li ma ssirx ħsara liż-żona.
Il-Perit Jesmond Mugliett spjega li wara konsultazzjoni pubblika li fiha pparteċipaw 400 ruħ, il-proġett iċċekken u żdiedu l-ispazji pubbliċi.
“Dan huwa proġett fejn in-numru ta’ konsultazzjonijiet u studji li saru naħseb qatt ma sar bħalu. Fil-ġimgħat li ġejjin se nibdew nitkellmu ma’ stakeholders u affarijiet bħal mobilisation, traffic managament ma’ kuntratturi biex inkunu nistgħu nibdew ħalli verament inkunu nistgħu nibdew”.
Dwar l-impatt tat-traffiku li se jħalli l-proġett, il-Perit Paul Gauci minn Transport Malta qal li se jilqgħu għalih b’mina taħt l-art.
Il-Perit Paul Gauci semma li f’dan il-proġett hemm ukoll pjan ta’ vjaġġar sostenibbli permezz ta’ inizjattivi ta’ car pooling u trasport provdut lill-impjegati.
“Il-Green Travel Plan hija waħda mill-affarijet li ssuġerixxejna li ħadd qatt għadu ma ssuġerixxa. Qagħdu bil-qiegħda l-accountants u raw il-costings li l-kumpaniji kollha li se jkollhom investiti hemmhekk, il-flottot tagħhom ikunu jew jaħdmu bil-gas jew bl-elettriku. Din se tnaqqas ħafna t-tniġġis u l-ħsejjes”.