Hekk kif din is-sena l-kunsilli lokali qed jiċċelebraw it-30 Anniversarju mit-twaqqif tagħhom f’Malta u Għawdex, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) organizzat Laqgħa Plenarja b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali. Din il-Laqgħa Plenarja kienet miftuħa għall-presidenti tal-kunsilli reġjonali, sindki, kunsilliera, segretarji eżekuttivi, ħaddiema tal-kunsilli lokali u reġjonali u msieħba oħra tal-gvern lokali.
Waħda mit-temi ewlenin tal-Laqgħa Plenarja trattat it-30 Anniversarju mit-twaqqif tal-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex, fejn ġew diskussi l-isfidi u l-opportunitajiet fil-qasam tal-gvern lokali.
Fuq din it-tema, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li l-Viżjoni Strateġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali, li tnediet f’Mejju li għadda, ġiet imfassla biex proprju tindirizza l-isfidi preżenti filwaqt li tkompli ġġedded il-qasam tal-gvern lokali favur aktar titjib fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
“Laqgħat bħal dawn jibqgħu dejjem importanti, għaliex id-djalogu kontinwu bejn l-imsieħba kollha jgħin sabiex il-gvern lokali jibqa’ jaddatta skont il-ħtiġijiet attwali. Hekk biss nistgħu nilħqu livelli għola ta’ governanza tajba u nagħtu l-aħjar servizz liċ-ċittadini u l-lokalitajiet rispettivi tagħhom.”
Segretarju Parlamentari – Alison Zerafa Civelli
L-imsieħba preżenti kellhom l-opportunità li jipparteċipaw f’workshops.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) Mario Fava qal li din il-Laqgħa Plenarja għandha sservi sabiex is-sindki, kunsilliera u l-ħaddiema tal-kunsilli lokali jifhmu aktar kif permezz tal-irwol tagħhom jkunu dejjem qrib ir-resident.
“L-AKL kommessa li tkompli tkun ta’ servizz lill-kunsilli lokali u reġjonali sabiex flimkien naċċertaw li nagħmlu differenza pożittiva fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti.”
President tal-AKL – Mario Fava
Għal din il-konferenza kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Joyce Dimech, id-direttur ġenerali u diretturi tal-gvern lokali.